​“L-integrità ta’ Malta qed tiġi irkantata” – Godfrey Farrugia

Id-deputat parlamentari tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li qed jinħassu sew ix-xquq tad-demokrazija u li l-integrità ta’ Malta qed tiġi irkantata.
F’diskors fil-Parlament, Godfrey Farrugia semma kif Malta mhijiex tal-ftit u qal li dan qed jiġi rifless anke fis-sostenibiltà ambjentali tal-pajjiż. Irrefera għall-konsultazzjoni dwar l-art tal-ITS, fejn qal li fuq powerpoint diġà nbiegħu l-appartamenti. Qal li huwa tal-mistħija kif din l-art li tiswa €200 miljun, se tinbiegħ biss għal madwar €50 miljun.
Staqsa wkoll kif fil-25 t’Ottubru, Malta se tkun qed tivvota fil-Parlament Ewropew meta jittieħed il-vot dwar il-glifosat. Argumenta li vot favur se jwassal għal żieda f’dawk li sejjaħ bħala “veleni tossiċi” li jġibu l-kanċer f’Malta, fejn qal li ta’ dan għandu wkoll il-provi. Fi kliemu inqerdu l-eko-sistemi u staqsa fejn spiċċa l-peprin kollu li kien ikun hawn fil-kampanja Maltija.
Godfrey Farrugia irrefera għal dak li qal il-Kummissarju Ewropew Malti għall-Ambjent Karmenu Vella u staqsa kemm verament qed tingħata importanza lill-ambjent. Għalaq billi ikkritika liż-żewġ naħat tal-Kamra u appellalhom biex ma jibqgħux jistupraw l-ambjent. Sejjaħ ukoll Kastilja bħala l-post fejn tinħema l-iskorrettezza fil-governanza.