L-insurance tħallas għall-ħsara tal-interconnector

Read in English.

Il-Ministru għall-Enerġija Michael Farrugia ħabbar fil-Parlament li l-polza tal-assigurazzjoni ħallset għall-ħsarat li saru fuq l-interconnector bejn Malta u l-Italja. Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista David Agius, il-Ministru qal li l-insurance min-naħa tagħha se tfittex lill-kumpanija tal-vapur biex tirkupra dawn il-flus.  

Madanakollu, il-Ministru qal li fadal kwistjoni pendenti, dik li l-Enemalta tfittex lill-kumpanija tal-vapur li għamlet ħsara fil-interconnector għall-ispiża li daħlet għaliha biex tipprovdi l-enerġija bl-LNG u l-gasoil li huma ogħla mill-interconnector.  

Farrugia qal li l-kumpanija tal-insurance qed tgħin lill-Gvern Malti biex jeżamina l-vijabiltà ta’ din it-talba. Il-Ministru faħħar il-ħaddiema tal-Enemalta li rranġjaw il-ħsarat fit-tliet xhur meta x-xogħol kien previst li se jieħu sitt xhur.  

Minn investigazzjoni li għamlet, l-Enemalta sabet evidenza raġonevoli li l-cable nqata’ b’ ankra, bl-evidenza turi li l-ankra tkaxkret f’qiegħ il-baħar, qalgħet il-cable mit-trinka, u sussegwentement qatgħetu. 

Dwar it-tieni interconnector, il-Ministru qal li mhux vijabbli li jkollok żewġ interconnectors ħdejn xulxin minħabba li jekk wieħed iġarrab ħsara, il-probabilità hija li jintlaqat l-ieħor ukoll. Dan minbarra li hemm problemi loġistiċi minħabba l-fond tal-baħar għal interconnector lejn Franza jew il-Greċja. 

Il-pipeline tal-gass baqa’ wkoll fuq l-ixkaffa minħabba l-fatt li l-hydrogen gas għadu ma wasalx fin-naħa t’isfel tal-Ewropa u għandu għoli allura mhux vijabbli