L-Insinwa se jkollha karattri Maltin “din is-sena”

karattri Maltin tastiera keyboard

Read in English.

L-Insinwa għandu jkollha sistema li tippermetti l-użu tal-karattri Maltin fl-ismijiet “din is-sena.”

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar meta se tiġi installata din is-sistema li ilha mwiegħda mill-Gvern, kelliem għas-Segretarjat Parlamentari taċ-Ċittadinanza qal li “Kif kien diġà mħabbar, din is-sena se tkun indirizzata.”

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, l-Akkademja tal-Malti bagħtet tfakkira lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat dwar din il-kwistjoni. Din kienet it-tieni darba li l-Akkademja għamlitlu dan l-appell din is-sena, peress li f’Mejju li għadda, hi appellat lil Muscat, li huwa responsabbli mir-Reġistru Pubbliku, sabiex jieħu passi biex l-Uffiċċju jaddotta sistema li biha, ikunu jistgħu jintużaw il-karattri Maltin fl-ismijiet.

F’April, il-kwistjoni ġiet diskussa fil-Parlament mid-Deputat Ryan Callus, li ġibed l-attenzjoni tal-Kamra dwar dan wara li ra kitba fuq Facebook ta’ omm li ma tħallietx issemmi lil binha Ġorġ minħabba din is-sistema. Binha minflok jismu Gorg.

Callus kien sejjaħ din il-kwistjoni waħda tal-mistħija, speċjalment peress li suppost is-sistema kellha tiġi aġġornata sal-2017.

Ir-Reġistru Pubbliku kellu jdaħħal is-sistema tal-karattri Maltin sal-2017, iżda dan baqa’ ma sarx. Is-sistema kompjuterizzata li tintuża mir-Reġistru Pubbliku ilha fis-seħħ mill-1993 u tul dawn is-snin, bosta ġenituri kienu qed isibuha diffiċli biex jiktbu isem il-wild tagħhom kif jixtiequ. Din is-sistema ma taċċettax ċerti ittri fosthom dawk bil-Malti bħaċ-ċ, ġ, ħ u ż.

Ikkuntattjata minn Newsbook.com.mt, l-Akkademja tal-Malti qalet li tliet ġimgħat wara li bagħtet it-tfakkira lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat, għadha ma semgħet xejn fuq din il-kwistjoni.

Kwistjoni li kellha tiġi indirizzata fl-2017
L-Insinwa se tibda tikteb ismijiet bil-Malti u bl-aċċenti fl-2017