L-Insinwa għadha bla karattri Maltin; “Tal-mistħija” – Callus

Il-Membru Parlamentari Ryan Callus qal li huwa tal-mistħija li l-Insinwa għad m’għandhiex karattri Maltin, u b’hekk, ġenituri li jkunu jixtiequ jagħtu lil uliedhom xi isem Malti, ikollhom jużaw ittri oħra minflok ittri Maltin.

Ftit sigħat qabel il-Parlament, Callus iltaqa’ ma’ kitba ta’ mara fuq Facebook li qalet li xtaqet issemmi lil binha Ġorġ, iżda mill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku infurmawha li peress li m’għandhomx karattri Maltin, isem binha jkollu jkun Gorg.

Hija sostniet li huwa tal-mistħija li l-Maltin ma jistgħux jużaw il-lingwa nazzjonali tagħhom għall-ismijiet ta’ wliedhom. Id-Deputat Ryan Callus qabel magħha u wegħidha li jqajjem il-kwistjoni fil-Parlament.

Ir-Reġistru Pubbliku kellu jdaħħal is-sistema tal-karattri Maltin sal-2017, iżda dan baqa’ ma sarx. Is-sistema kompjuterizzata li tintuża mir-Reġistru Pubbliku ilha fis-seħħ mill-1993 u tul dawn is-snin, bosta ġenituri kienu qed isibuha diffiċli biex jiktbu kif jixtiequ isem il-wild tagħhom. Din is-sistema ma taċċettax ċerti ittri fosthom dawk bil-Malti bħaċ-ċ, ġ, ħ u ż.

Fl-2017, kelliema għar-Reġistru Pubbliku qalet ma’ Newsbook.com.mt li “ix-xogħol sabiex tinħoloq sistema kompletament ġdida issa beda, imma dan kollu jieħu ħin, riżorsi u fondi.”

Callus appella lill-Gvern biex jara li r-Reġistru Pubbliku jkollha sistema li tuża l-karattri Maltin. Insista li 56 sena wara li Malta kisbet l-Indipendenza, u 16-il sena wara li l-Malti sar lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa inaċċettabbli li għadha qed tiġi diskussa kwistjoni bħal din.