L-Insinji Episkopali għall-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Charles J. Scicluna

Il-Kurja tal-Arċisqof ippubblikat ir-ritratti tal-Insja Episkopali li se jintużaw għada waqt l-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Charles J. Scicluna.

Dawn jinkludu: iċ-ċurkett li huwa rigal mill-Arċidjoċesi ta’ Malta li huwa simbolu tal-fedeltà tal-Isqof lejn il-Knisja. Fil-passat, iċ-ċurkett kien jingħata biex jimmarka d-dokumenti uffiċċjali u b’sinjal tal-għerusija tal-Isqof mad-djoċesi tiegħu.

Il-mitra li se jilbes Mons. Charles J. Scicluna hija rigal minn komunità ta’ sorijiet f’Ruma, li tagħhom hu kien kappillan. Il-mitra tirrapreżenta l-ħerqa ta’ isqof biex jimxi ’l quddiem fit-triq tal-qdusija.

Il-baklu ta’ Mons. Scicluna huwa rigal mill-parroċċa ta’ Ħal-Lija, il-parroċċa fejn jgħix Mons. Scicluna flimkien mal-ġenituri tiegħu. Il-baklu jfakkar li l-Isqof hu ragħaj li jrid jieħu ħsieb il-merħla.

Bħala rigal, Ii-familjari tiegħu tawh is-Salib Pettorali li Mons. Scicluna se jkun qed jilbes tul l-Ordinazzjoni.

Intant, il-programm tal-Ordinazzjoni Episkopali se jibda fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu meta l-Arċisqof Pawlu Cremona jasal fil-knisja parrokkjali ta’ Ħal Lija għal mument ta’ talb flimkien ma’ Mons Charles J. Scicluna. Minn hemmhekk jibda l-korteo lejn il-Belt Valletta li se jgħaddi minn diversi rħula fosthom: Ħal Lija, B’Kara, Fleur-de-lys, Santa Venera u l-Ħamrun. Il-korteo se jieqaf il-Blata l-Bajda biex l-Arċisqof u Mons. Scicluna jidħlu għal mument ta’ talb quddiem il-fdalijiet ta’ San Ġorġ Preca fil-bini tal-M.U.S.E.U.M.

Fid-disgħa imbagħad ikompli l-korteo lejn il-Belt Valletta li se jgħaddi minn Triq ir-Repubblika lejn il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Fid-disgħa u nofs tibda l-Quddiesa Pontifikali tal-Ordinazzjoni Episkopali ta’ Mons. Scicluna. L-Arċisqof Pawlu Cremona se jkun l-Isqof Ordinandi Prinċipali filwaqt li l-isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech u l-Arċisqof emeritus Ġużeppi Mercieca se jkunu l-Isqfijiet kordinandi.

Għal din l-Ordinazzjoni mistennija wkoll jattendu diversi dinjitarji fosthom tminn Isqfijiet barranin kif ukoll żewġ Kardinali, fosthom il-Kardinal Malti Prospero Grech.

Ritratti: Photocity, Valletta