L-insib se jkun limitat mhux bħal ta’ qabel l-2009 – Roderick Galdes

Il-Gvern irreveda r-regolamenti tal-insib tal-għasafar li se jidħlu fis-seħħ minn għada.
L-emendi jimponu restrizzjonijiet fuq l-ammont u d-daqs tal-imnasab, it-tip ta’ apparat li jista’ jintuża, u l-metodu ta’ kif l-insib jista’ jkun permess.
Ir-regolamenti jestendu l-protezzjoni legali tax-xagħri fis-siti Natura 2000 u jipprojbixxu wkoll imnasab ġodda.
Sadanittant, wara li evalwa r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis, il-Gvern se japplika żewġ derogi separati, sabiex jiġi permess l-insib u ż-żamma ta’ seba’ speċi tal-għana, kif ukoll il-pluviera u l-malvizz fil-Ħarifa 2014.
Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes qal li l-insib tal-għasafar tal-għana fil-Ħarifa 2014 mhux se jkun bħal kif kien jiġi pprattikat qabel l-2009, iżda se jkun staġun limitat u sorveljat.
L-istaġun tal-insib għal dawn l-ispeċi ser jiftaħ mill-20 t’Ottubru sal-31 ta’ Diċembru 2014, iz-żewġ dati inklużi. 
Ir-Regolamenti li jispjegaw fid-dettal il-parametri u l-kontrolli assoċjati ma’ dawn iż-żewġ derogi jistgħu jitniżżlu mis-sit elettroniku tal-Wild Birds Regulation Unit.
Applikazzjonijiet għall-liċenzji ġenerali (Carnet de Chasse) u liċenzji speċjali se jintlaqgħu mill-fergħat kollha tal-posta f’Malta u Għawdex minn għada sat-2 ta’Awwissu.