Il-Gvern jintalab ma jiftaħx l-istaġun tal-insib

Il-Birdlife talbet lill-Gvern sabiex ma jiftaħ ebda staġun tal-insib sakemm joħroġ il-verdett finali mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament, l-organizzazzjoni mhux governattiva li tissalvagwardja d-drittijiet tal-għasafar, irreferiet għall-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Eleanor Sharpston, li fil-Lussemburgu qalet li Malta qed tonqos milli timxi mad-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar Slavaġ.
Il-Birdlife sostniet li wara dan il-ġudizzju tal-lum minn persuna tant influwenti, ikun aħjar li l-Gvern jistenna d-deċiżjonital-Qorti Ewropea sal-aħħar tas-sena, qabel jiddeċiedi li jiftaħ l-istaġun.
L-NGO irreferiet għar-reazzjoni tal-Ministeru għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli, fejn dan qal li ma jistax jispekula minħabba li d-deċiżjoni finali tal-Qorti ewropea għadha ma saritx.
Il-Birdlife tqis li b’dal-kumment il-Gvern irid ifisser proprju li se jistenna l-ġudizzju finali, u mhux se jkun qed jisma mill-Kumitat Ornis, li ssuġġerixxa li l-istaġun tal-insib għall-għasafar tal-għana jerġa’ jinfetaħ.
Eleanor Sharpston, l-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, ikkonkludiet ukoll li r-regolamenti attwali ma jirrispettawx l-obbligi li Malta għandha skont il-liġi tal-UE.

Ir-rakkomandazzjoni ta' Sharpston tista’ twassal għal verdett negattiv mill-Qorti dwar l-insib għall-għasafar tal-għana f’Malta.
Aktar kmieni llum fil-Lussemburgu, l-Avukat Ġenerali, ippreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-istaġun tal-insib f’Malta.
Hija qalet dan b’rabta mal-Proċeduri ta’ Ksur li nbdew mill-Kummissjoni Ewropea kontra Malta, u li kienu wasslu biex f’Ottubru ta’ sentejn ilu l-Gvern Malti ttella’ quddiem il-Qorti Ewropea fuq l-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.
Filwaqt li l-insib għall-għasafar tal-għana huwa illegali skont ir-regolamenti tal-UE, dan jista’ jseħħ xorta waħda taħt kundizzjonijiet stretti kif maqbula f’deroga.
Sharpston argumentat li l-kriterji mressqa mill-Gvern Malti fid-deroga li kien bagħat sabiex jappella li l-insib f’Malta jibqa’ jseħħ, kollha kemm huma m’għandhomx bażi.
Il-ġustifikazzjonijiet tal-Gvern Malti fid-deroga kienu li l-insib jista’ jsir b’mod għaqli, li huwa tradizzjoni Maltija, li m’hemm ebda soluzzjoni oħra li biha jista’ jitwaqqaf l-insib, li x-xbieki użati fl-insib huma għodda li jistgħu jiġu dderogati u għalhekk jibqgħu jintużaw kif ukoll li mhumiex silettivi, jiġifieri ma jaqbdux biss speċi partikolari ta’ għasfur, allura ma jwasslux biex tinqered xi razza.
L-Avukat Ġenerali żiedet ukoll li għandha d-dubji tagħha dwar l-infurzar jew il-metodoloġija tar-regolamentar f’Malta.
Irrimarkat li x-xbieki li l-Gvern Malti jiddefendi jistgħu jwasslu biex tinqered speċi, u dan għax hawn mal-4,000 nassab li juża dax-xbieki fi staġun li jtul 73 ġurnata.
Sadanittant, fi stqarrija l-Birdlife qalet li tilqa’ dawn l-argumenti tal-Avukat Ġenerali, għax sostniet li dawn l-affarijiet hija ilha tgħidhom żmien.
Temmet tgħid li d-Direttiva dwar l-Għasafar qiegħda hemm biex tiddefendi lill-għasafar, u mhux biex tirregola kif isiru aktar kaċċa u nsib.
“Ir-rakkomandazzjonijiet tal-AĠ huma xhieda li l-wegħdi politiċi ma jiġġustifikawx it-tħaddim tad-deroga, u l-Gvern m’għandux jiftaħ l-istaġun għall-insib qabel il-verdett finali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja”, temmet il-Birdlife.
"Għadu kmieni biex nikkummentaw jew nispekulaw dwar id-deċiżjoni finali" – il-Gvern
B'reazzjoni għal dak li ntqal mill-AĠ, il-Ministeru għall-Ambjent u l-Iżvilupp Sostenibbli qal li, filwaqt li jinnota l-argumenti tal-AĠ, se jistenna l-verdett tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mistenni fix-xhur li ġejjin.
Tista' taċċessa l-argumenti ta' Sharpston bl-Ingliż minn hawn taħt.
Fit-tieni ritratt mix-xellug għal-lemin: il-Kap eżekuttiv tal-Birdlife, Mark Sultana, il-President Darryl Grima, u l-Maniġer għall-Konservazzjoni, Nicholas Barbara