L-insib fil-ħarifa kontra l-liġi – il-Qorti Ewropea

Arkivji

Read in English.

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja f’sentenza mogħtija llum iddikjarat li l-insib tal-għasafar tal-għana fil-ħarifa f’Malta imur kontra d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea u għalhekk huwa illegali. Din id-deċiżjoni iġġib fi tmiemha ġlieda legali li ilha sejra mill-2015.

Il-Qorti iddikjarat ukoll illi l-Gvern mexa b’mod illegali meta kien reġa’ daħħal l-insib fl-2014.

Il-Qorti Ewropea spjegat ukoll li Malta ma kkonformatx mal-kundizzjoni tad-Direttiva li f’każ ta’ deroga dan għandu jirrigwarda ‘numru żgħir’ ta’ għasafar biss. Din id-deroga ppermettiet l-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana b’kundizzjonijiet marbuta mat-tipi ta’ mansab.

Fl-aħħar il-Qorti qalet li ma sabitx biżżejjed provi li saret superviżjoni stretta tal-kundizzjonijiet li ppermettew id-deroga fl-ambitu tad-Direttiva.

Għamilt li stajt – il-Gvern

Fi stqarrija għal dan, il-Gvern qal li għamel dak kollu possibbli biex jiddefendi l-każ bl-aħjar mod possibbli u biex iħalli l-insib għaddej u saħansitra fetaħ l-istaġun tal-insib fl-erba’ snin li għaddew mill-2014. L-istqarrija kompliet tgħid li l-Gvern se jevalwa din id-deċizjoni bir-reqqa biex id-deċiżjonijiet li se jieħu jkunu studjati.

Muscat daħak bin-nassaba – Simon Busuttil

F’reazzjoni fuq Facebook, id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li s-sentenza tal-Qorti Ewropea li l-insib f’Malta għandu jieqaf mhix sorpriża. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien ħallas prezz qares għax qal il-verita’ lin-nassaba, filwaqt li nnegozja perjodu ta’ tranżizzjoni sal-2008. Huwa spjega li l-Prim Ministru Joseph Muscat prova jixtri lin-nassaba u daħak bihom bil-wegħda fiergħa li jżomm l-insib.

Is-sentenza tal-Qorti Ewropea li l-insib f'Malta għandu jieqaf mhix sorpriża. Aħna konna ħallasna prezz qares għax…

Posted by Simon Busuttil on Thursday, June 21, 2018

Il-pjan tal-insib ta’ Muscat, illegali – CABS

Il-Kumitat Kontra l-Qtil tal-Għasafar (CABS) spjega li l-ftuħ tal-istaġun tal-insib kien ksur ċar tad-Direttiva tal-Għasafar tal-UE. Huwa appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jaċċetta l-verdett u jħejji lin-nassaba għall-futur mingħajr insib.

Malta għandha tapplika għad-deroga f’Ottubru – FKNK

F’reazzjoni għas-sentenza tal-Qorti, l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) qalet li l-Gvern għandu jibda jiddiskuti mal-Kummissjoni Ewropea n-nuqqasijiet li ġew allegati fis-sentenza bil-ħsieb li jerġa japplika għad-deroga f’Ottubru. B’hekk ikunu evitati l-kawżi, l-ispejjeż u l-ħela ta’ ħin.

Il-verdett huwa ċar u ma jistax ikun appellat – Birdlife

Il-Birdlife spjegat li l-verdett tal-Qorti Ewropea huwa ċar u ma jistax ikun appellat. Hija qalet li kienet appellat lill-Gvern flimkien ma’ NGOs oħrajn biex l-istaġun għall-insib tal-għasafar tal-għana ma jinfetaħx u l-istess se jiġri fil-każ tal-insib għal malvizz u l-pluviera li bħalissa għad jista’ jsir insib għalihom.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella għal djalogu serju mal-Kummissjoni Ewropea

Il-Partit Nazzjonalista appella biex ikun hemm djalogu serju bejn il-Gvern u l-Kummissjoni Ewropea wara d-deċiżjoni tal-Qorti. Dan għandu jseħħ biex jitfassal pjan fit-tul u jevita li jinġibdu aktar kundanni lejn Malta li minnhom jispiċċa jbati kulħadd. Il-PN fakkar li n-nassaba se jitilfu d-delizzju tagħhom għax il-Gvern ma’ ssodisfax il-kundizzjonijiet skont id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar.

In-nassaba ħarġu jonsbu wara l-2014 – PL

F’reazzjoni l-Partit Laburista qal li wara erba’ snin ma joħorġux jonsbu n-nassaba reġgħu ħarġu jonsbu wara l-bidla fil-gvern fl-2014 u wara li l-gvern implimenta deroga b’konsultazzjoni sħiħa ma’ għaqdiet li jirrappreżentaw lin-nassaba. Il-PL qal li l-Gvern illum-il ġurnata għandu jesplora l-possibilitajiet kollha.

Deċiżjoni tal-Qorti Ewropea – Insib