“L-Insara m’għandhomx ikunu bħall-fniek” – Il-Papa Franġisku

Il-Papa Franġisku kkritika l-ħsieb ta' xi wħud li biex tkun nisrani tajjeb għandu jkollok tfal daqs il-fniek, u għamilha ċara li kollox jiddependi fuq kemm huma responsabbli l-ġenituri . 
Fi triqtu lejn il-Vatikan lura mill-Filippini, fejn iltaqa’ ma tfal li kienu jgħixu fit-toroq minħabba li l-ġenituri ma setgħux irabbuhom, il-Papa wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li fost l-oħrajn kienu dwar it-trobbija, il-kurruzzjoni, it-terroriżmu u l-faqar. 
B’pożizzjoni ċara kontra l-kontraċettivi artifiċjali, il-Papa Franġisku rrimarka li hemm ħafna modi naturali approvati mill-Knisja dwar kif tista’ tipprevjeni t-tqala.  
Semma meta ċanfar omm li kienet qed tistenna t-tminn tarbija u li seba’ l-oħra welldithom b’mod ċesarja u qallha li qed tkun irresponsabbli għax għalkemm dejjem tista’ tafda f’Alla, il-Mulej joffri metodi naturali biex tkun responsabbli”. 
Il-Mexxej tal-Knisja Kattolika wissa dwar l-attakki li qed isiru fuq il-familja u enfasizza li ebda istituzzjoni m’għandha timponi dwar kemm għandha tkun kbira l-familja.  Dan wara li esperti tal-familja waslu għall-konklużjoni li l-aħjar hu, li kull familja jkollha tliet itfal. 
Madanakollu l-Papa Franġisku wieġeb li “t-tnissil ta’ ħajja ġdida hi parti mis-Sagrament taż-Żwieġ.”