L-Insara Kattoliċi u Kopti jirrikonoxxu l-Magħmudija ta’ xulxin

Il-Papa Franġisku u l-mexxej tal-Insara Kopti, Tawadros II, iffirmaw Dikjarazzjoni li permezz tagħha, għall-ewwel darba, se jkunu qed jirrikonoxxu s-Sagrament tal-Magħmudija ta’ xulxin.
Din id-dikjarazzjoni kienet ippublikata ftit wara laqgħa li ż-żewġ mexxeja reliġjużi kellhom fil-Kajr waqt iż-żjara tal-Papa Franġisku.
Id-Dikjarazzjoni ġiet 40 sena wara li l-Papa Pawlu VI ltaqa’ għall-ewwel darma mal-mexxej tal-Kopti Shenouda III, f’Mejju tal-1973. Dik il-laqgħa kienet immarkat il-bidu ta’ relazzjonijiet ġodda u anke t-twaqqif ta’ Kummissjoni għad-djalogu teoloġiku mal-familja kollha tal-Knejjes Ortodossi tal-Orjent.
Fil-ftehim ġdid, il-Papa Franġisku u Tawadros jitkellmu fuq il-progress li sar fl-aħħar snin u jsejħu lis-segwaċi tagħhom biex jinżlu aktar fil-fond tal-għeruq komuni tal-fidi tagħhom permezz tat-talb.
Fost affarrijiet oħra, il-Kattoliċi u l-Kopti qablu li jkun hemm traduzzjoni komuni tat-talba tal-Missierna u anke data komuni biex fiha jiċċelebraw l-Għid il-Kbir.
Tgħid ukoll li l-Kattoliċi u l-Kopti jistgħu jkunu xhieda flimkien tal-valuri li jgħożżu tal-ħajja umana, il-qdusija taż-żwieġ u l-familja u r-rispett lejn it-tfal.
Id-Dikjarazzjoni tisħaq li għandu jkun hemm aktar talb intensiv għall-Kristjani li huma ppersegwitati u maqtula minħabba l-fidi tagħhom, speċjalment fl-Eġittu u Lvant Nofsani.