L-Insara jkomplu jirritornaw lejn Mosul

Aktar minn 600 familja kattolika irritornaw lejn djarhom fil-Pjanura ta’ Nineveh fit-Tramuntana tal-Iraq, inkluż Mosul, wara l-ħelsien ta’ dawn l-inħawi mill-ISIS.
“Ilkoll kemm aħna mradna bil-gwerer. L-Iraq ilu għaddej minn gwerra għal oħra sa mill-1958. Issa rridu nitgħallmu ngħixu fil-paċi. Dan hu sinjal ta’ tama għalina l-insara”, sostna l-Arċisqof Kattoliku ta’ Mosul, Petros Mouche.
“Uħud sabu xogħol, oħrajn fetħu xi bar jew restaurant, ħwienet jew bdew xi negozju ieħor. Trid ħafna kuraġġ biex tibda kollox mill-bidu. Għalina l-insara kattoliċi tal-Iraq il-liberazzjoni hi naturalment raġuni biex nifirħu għax il-maġġoranza kbira tal-membri tad-djoċesi tiegħi kienu qed jgħixu f’Qaraqosh u Mosul”, sostna l-Isqof.
Il-Kattoliċi Sirjani jagħmlu 60% tal-150,000 nisrani u oħrajn li kienu mġiegħla jaħarbu minn djarhom minħabba ll-vjolenza tal-ISIS.  Minkejja t-tifrik kbir li l-Istat Iżlamiku ħalla warajh, l-Arċisqof qal li għandu tama kbira li l-ħajja tibda mill-ġdid fil-pajjiż.
“Irridu nkunu kapaċi ngħixu flimkien. Irridu nitgħallmu kif ngħixu flimkien wara tant snin ta’ gwerrer li kissru lil kulħadd” qal Mons. Mouche.
Dawn il-kummenti tal-Arċisqof saru wara li l-Vatikan ordna l-għeluq ta’ tmien knejjes f’Baghdad, wara kważi seba’ snin ta’ attendenza fqira.  Għalkemm din id-deċiżjoni tagħmel sens loġiku, fl-istess ħin hi wkoll telfa simbolika għall-Knsija fil-kapitali tal-Iraq.
L-insara fl-Iraq illum huma madwa 300,000 li hu nuqqas kbir mill-1.5 miljuni li kienu qabel l-invażjoni Amerikana fil-pajjiż fl-2003.