L-Insara jibdew jirritornaw lejn djarhom fl-Iraq

“Li nirritornaw id-dar u għall-ħajja normali tagħna qisna qed neħilsu minn toqol kbir li ilna nġorru għal żmien twil. Issa, għall-ewwel darba wara tliet snin verament inħossuna li qegħdin fil-post it-tajjeb”.
Dan hu x’qal  Labib Rammo, Nisrani min Nineveh fl-Iraq li flimkien mal-familja tiegħu huma l-ewwel familja li rritornat lejn Karamles li qed terġa’ tinbena mill-ġdid.
Rammo, bħal mijiet ta’ eluf ta’ Nsara telaq minn daru u minn pajjiżu fis-sajf tal-2014 meta tfaċċaw l-ISIS.
Illum, tliet snin wara, it-theddida tal-Istat Iżlamiku donnu għaddiet iżda għad fadal ħafna xi jsiru biex il-pajjiż jirritorna għan-normalità.
Kif qal ftit ilu il-Patrijarka Raphael Louis Sako tal-Knisja Iraqina, il-ko-eżistenza bejn l-Insara u l-Musulmani hi waħda mill-prijoritajiet biex ikun hemm il-paċi fil-pajjiż. Din hi triq twila u diffiċli li hi bbażata fuq “għarfien ġdid” biex inwarrbu l-firda u t-tifrik tal-passat.
It-tama tal-Patrijarka hi wkoll it-tama ta’ Labib Rammo u l-qraba tiegħu li issa qed jistennew aħjar la telqu l-ISIS mill-inħawi.
Madankollu il-kwestjoni tas-sigurtà hi essenzjali u trid tkun solvuta. Dan għandu jgħin biex in-nies li telqu jirritornaw fil-pajjiż.
Labib li għandu 55 sena hu miżżewweġ lil Nedal Yousif li hi disa’ snin iżgħar minnu u għandhom sitt itfal, bl-aħħar tarbija tasal f’Marzu li għadda. Din se tgħammdet ilbieraħ fil-parroċċa ta’ Karamles, tliet snin eżatt minn meta l-familja ħarbet mid-dar tagħha kif bdew javvanzaw l-ISIS.
Kemm damet eżiljata din il-familja għexet fil-kwartier Nisrani tal-Kurdistan u ngħataw xi għajnuna mill-Knisja għalkemm il-kera tad-dar u ħafna u spejjeż ħallsuhom huma minn flushom wara li bdew attività ta’ bejgħ ta’ ħaxix u frott.
“L-eżilju kien diffiċli, bla dar, bla affezzjonijiet, b’relazzjonijiet imkissra u bogħod minn parti mill-familja. Ir-rutina u d-drawwiet tagħna tħarbtu. Dan ħolqilna diffikultajiet u konna nħossuna qisna barranin f’artna,” qal Labib.