L-Insara għandhom jistqarru d-dnubiet li jsiru f’isem il-flus u l-poter

Il-Vanġelu jitlob mill-Insara li “jistqarru d-dnubiet personali li jagħmlu kontra Alla u l-proxxmu f’isem l-alla tal-flus u l-poter”. Din id-dikjarazzjoni kitibha Papa Franġisku fl-introduzzjoni ta’ ktieb intitolat “Il-Poter u l-Flus”.
Il-finanzi u l-ekonomija jolqtu lil kull persuna u lil kull soċjetà u għandhom sehem importanti biex “jiddeterminaw il-kwalità tal-ħajja u anke l-mewt” u jekk il-ħajja tal-bniedem tirrispettax id-dinjità umana, qal il-Papa.
Il-ktieb ta’ Michele Zanzucchi, editur tal-magazine tal-Moviment tal-Fokolarini, jeżamina x’qal u x’kiteb Papa Franġisku dwar l-ekonomija, il-kummerċ, il-ġustizzja soċjali, il-faqar u l-protezzjoni tal-ħolqien.
Fl-introduzzjoni tal-ktieb il-Papa sostna dak li qalu predeċessuri tiegħu u t-tagħlim soċjali tal-Knisja, jiġifieri li l-messaġġ tal-Evanġelju japplika kemm għal materji soċjali kif ukoll għal dawk ekonomiċi kif ukoll għal kwestjonijet ta’ spiritwalità personali u l-ħajja fil-Knisja għax “Alla ma jabbandunax il-kreaturi tiegħu biex jinħatfu mill-ħażen”.
Filwaqt li l-ekonomija globali għenet lil biljuni ta’ persuni li jgħixu tajjeb, “l-ekonomija u s-swieq kellhom sehem fl-esplojtazzjoni eċċessiva tar-riżorsi komuni u dan żied l-inugwaljanza u għamel ħsara lill-pjaneta”.
Fil-vjaġġi madwar id-dinja bħala Papa “Stajt nara dawn il-kuntrasti ferm aktar milli stajt nagħmel mill-Arġentina. Id-dinja għandha ġid biżżejjed biex titma, tipprovdi djar u kura medika lill-abitanti kollha tagħha iżda r-riżorsi huma konċnetrati f’idejn ftit nies filwaqt li miljuni ta’ persuni oħra jridu jiġġieldu biex ikampaw.
“Dak li ngħid u nikteb dwar il-poter tal-ekonomija u l-finanzi għandu jitqies bħala appell biex il-foqra jkunu trattati aħjar u tonqos id-diżugwaljanza”, qal il-Papa.
Il-Papa qal li ta’ tħassib partikolari huma l-biljuni ta’ dollari li individwi privati jagħmlu mill-produzzjoni tal-armamenti, “flus li jiffjorixxu minn fuq id-demm tal-innoċenti”.
In-nies għandhom ikunu aktar konxji kif taħdem l-ekonomija u kemm għana u ġid jinħolqu mill-esplojtazzjoni tal-persuni u tal-ambjent, bi spekulazzjoni u b’investimenti fi flus flok f’kumpaniji li joffru impjiegi u jipproduċu prodotti u servizzi utli, kiteb Papa Franġisku.
“Id-dnub ikompli jtebba’ t-tjubija oriġinali tan-nies u tal-ħolqien, iżda ma jistax iħassar is-sehem u x-xbiha ta’ Alla mill-ħajja tal-bniedem. Għalhekk m’għandniex nitilfu t-tama: qed ngħixu fi żmien diffiċli, imma żmien mimli b’opportunitajiet ġodda li qatt ma ħlomna bihom” temm il-Papa fl-introduzzjoni tal-ktieb.