L-insara għandhom ikunu liberi bħalma l-Misilmin huma liberi f’pajjiżna – L-Isqof Scicluna

L-Isqof Awżiljarju Charles Scicluna appella biex ir-reliġjon ma tkunx mottiv ta’ vjolenza imma tkun strument ta’ paċi.
Fl-omelija  tal-bieraħ fil-Mosta, l-Isqof Scicluna, tkellem dwar il-kalvarju li qed jgħaddu minnu ħafna nsara ppersegwitati għax jemmnu u jixtiequ jipprattikaw t-twemmin nisrani.
Irrakkonta li jumejn ilu, l-isqfijiet Maltin u dawk kollha mxerrda mad-dinja, irċievew messaġġ urġenti mingħand il-Papa Franġisku fejn talabhom biex jiftakru fl-insara li għaddejjin minn persekuzzjoni qalila, fosthom dawk fl-Iraq.
Mons. Scicluna semma kif f’pajjiżi bħaċ-Ċina, l-Iraq u l-Libja, l-insara m’għandhomx id-dritt jipprattikaw fil-paċi t-twemmin tagħhom u dan b’kuntrast għal dak li jiġri f’Malta, fejn bi dritt, kulħadd hu liberu jipprattika twemminu.
Sostna li quddiem il-vjolenza, it-talb hu dgħajjef iżda fakkar li fejn ma jistax jasal il-bniedem, jasal il-Mulej.  Irrimarka li l-persekuzzjoni tal-insara, bħalissa “hu mument ta’ fidi u mhux tad-dubju, mument ta’ kuraġġ u mhux ta’ qtigħ il-qalb”.
Hekk kif din il-ġimgħa qed jiġi ċċelebrat it-tlugħ tal-Madonna fis-sema, Mons. Scicluna fakkar li f’din il-vjolenza kollha, ħsibijietna għandhom iduru fuq il-Madonna, li hi Sultana tal-Martri u tal-paċi.
Qal li l-inkoronazjzoni tagħha għandha tkun ta’ kuraġġ għal ħafna, għax fost l-oħrajn, kienet ix-xhud tal-fedeltà taħt is-salib.
L-Isqof Charles Scicluna temm jgħid li m’għandniex nemmnu “fil-paċi taċ-ċimiterju, ta’ min jiskot minħabba l-biża iżda fil-paċi tal-libertà, tar-rispett reċiproku u fil-paċi tal-bniedem li jirrispetta bniedem ieħor anke jekk ma jaqbilx miegħu”.