“Il-pessimiżmu mhuwiex Nisrani” – Franġisku

“L-Insara għandhom raġuni għalfejn ikunu ferħana u dan il-ferħ għandhom iħalluh ikun rifless f’wiċċhom flok ikollhom ħars ikrah u pessimista”, qal Papa Franġisku.
Għalkemm “il-qofol tal-ferħ Nisrani” jinsab fil-fatt li l-Insara huma maħfura u mifdija, l-oħrajn iridu jagħrfu dan il-ferħ mill-imġieba tan-Nisrani, qal il-Papa waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella ta’ Santa Martha nhar il-Ġimgħa li għadda.
“Jekk għandek wiċċ ta’ funeral  kif jistgħu jemmnu li int mifdi u li dnubietek huma maħfura? Dan hu l-ewwel punt, l-ewwel messaġġ tal-liturġija: intom maħfura, kull wieħed minnha hu maħfur,”, qal il-Papa.
Il-qari tal-Vangelu tal-jum, minn San Luqa jirrakkonta l-mument meta t-tarbija fil-ġuf ta’ Eliżabetta ‘qabeż bil-ferħ’ meta sema’ t-tislima ta’ Marija. L-Ewwel u t-Tieni Qari tal-ġurnata u anke s-salm responsorjali kienu jittrattaw il-ferħ, spjega l-Papa u l-akbar raġuni għall-ferħ hi li “kull wieħed hu maħfur”.
Raġuni oħra biex inkunu ferħana hi għax il-Mulej “jimxi magħna” u “jinsab fostna”.  Matul il-jum l-Insara għandhom jgħidu xi ħaġa “lill-Mulej li jinsab qirbna”.
U finalment, biex l-Insara jkunu ferħana, qal il-Papa, hu li ma jkunux pessimisti u jħallu l-ħajja tferraħhom.
“Il-pessimiżmu fil-ħajja mhux Nisrani”, qal Papa Franġisku. Il-pessimiżmu isib l-għeruq tiegħu jekk aħna ma nkunux nafu li aħna maħfura,  jikber għax ma nħossux l-imħabba t’Alla.  Il-Vanġelu għandu jurina dan il-ferħ”.
Il-Papa ħeġġeġ lill-insara biex “jagħmlu kull sforz biex nuru li nemmnu li aħna mifdija, li Alla ħafrilna kollox u jekk niżolqu, hu xorta jaħfrilna għax hu Alla tal-maħfra”.
Dan hu l-messaġġ tal-lum: “Qumu. Qumu, anke intom il-morda.  Qumu, għajtu bil-ferħ, ifirħu b’qalbkom kollha”, temm jgħid Papa Franġisku.