“L-Insara foloz” għad jispiċċaw ħażin

Fir-riflessjonijiet tiegħu dwar it-Tridu tal-Għid, il-Papa Franġisku enfasizza li l-Għid il-Kbir hu l-akbar festa għall-Kattoliċi għax fiha niċċelebraw is-salvazzjoni tagħna, il-festa tal-imħabba ta’ Alla għalina. F’dawn il-jiem niċċelebraw il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.
Il-Papa qal li t-tridu jibda f’Ħamis ix-Xirka u jintemm f’Ħadd il-Għid u l-Insara kollha huma msejħa biex jgħixu dawn it-tlitt ijiem imqaddsa bħala mudell tal-ħajja personali tagħhom u ta’ ħajjithom fil-komunità. Dawn it-tlitt ijiem jipproponu mill-ġdid il-ġrajjiet tas-salvazzjoni.
Fil-Għid filgħodu, is-Sekwenza issemmgħalna b’mod solenni t-tħabbira tar-Reżurrezzjoni u tgħid: ‘Kristu, it-tama tagħna, irxoxta u mar qabilna l-Galilea”. Din hi l-akbar aħbar – Kristu rxoxta. Dan il-kliem mhux biss fih aħbar ta’ ferħ u tama, imma hu wkoll appell għal responsabbiltà u għall-missjoni.
Papa Franġisku qal li San Pawl jiġbor il-festi tal-Għid fl-espressjoni: Kristu, il-ħaruf tal-Għid tagħna, kien issagrifikat. Il-qadim għadda u issa kollox hu ġdid”. Aħna twelidna mill-ġdid u fl-Għid in-nies jitgħammdu.
Fil-fatt, fil-quddiesa tas-Sibt filgħaxija Papa Franġisku se jgħammed tmied adulti li se jibdew il-ħajja Nisranija. Dawn in-nies se jitwieldu mill-ġdid.
San Pawl, żied jispjega l-Papa, jgħid li Kristu miet għad-dnubiet tagħna u rxoxta biex jiġġustifikana. Hu biss jiġġustifikana. Hu biss jerġa’ jqajjimna mill-ġdid. Dan hu l-kobor tal-imħabba t’Alla. Hu jagħti ħajtu għalina biex jagħmilna qaddisin, iġeddidna u jaħfrilna. It-tridu tal-Għid għandu jfakkarna dan l-avveniment fundamentali fil-ġrajja tal-umanità.
“Ħarsu 'l fuq, ħarsu lejn l-orizzont: din hi l-fidi tagħna, din hi l-ġustifikazzjoni tagħna, dan hu l-istat ta’ grazzja! Permezz tal-magħmudija aħna nqumu ma’ Kristu u mmutu għall-affarijiet u l-loġika tad-dinja; nitwieldu bħala ħlejjaq ġodda. Din hi realtà li rridu ngħixu b’mod konkret minn jum għall-ieħor”, sostna l-Papa.
“Jekk Nisrani jħalli lilu nnifsu jinħasel minn Kristu u jħallih ineżżgħu mill-bniedem qadim u jdaħħlu f’ħajja ġdida, għalkemm jibqa’ midneb – għax aħna lkoll midinbin – ma jibqax aktar korrott. Il-ġustifikazzjoni ta’ Kristu issalvana mill-korruzzjoni; aħna midinbin iżda mhux korrotti.
“U hawn irrid ngħid xi ħaġa ta’ dwejjaq u ta’ niket… Hemm Insara foloz: dawk li jgħidu ‘Kristu rxoxta’, ‘Jien iġġustifikat minn Kristu’, jien għandi ħajja ġdida iżda ngħix ħajja korrotta.
U dawn l-Insara foloz se jispiċċaw ħażin. In-Nisrani, nirrepeti, hu midneb – aħna lkoll midinba – jien midneb ukoll – imma għandna ċ-ċertezza li meta nitolbu maħfra 'l Alla dan jaħfrilna.”
“In-Nisrani korrot jilgħaba tal-bniedem onorabbli, imma fl-aħħar qalbu hi mnawra. Kristu jagħtina ħajja ġdida. In-Nisrani ma jistax jgħix bil-mewt f’qalbu jew ikun il-kaġun tal-mewt.
“Aħsbu ftit. M’hemmx għalfejn immorru 'l bogħod, naħsbu f’dan il-pajjiż stess, għandna dawk li jissejħu ‘Mafjużi Nsara’.  Dawn m’għandhom xejn mill-Insara. Isejjħu lilhom infushom Insara imma f’qalbhom għandhom il-mewt u joqtlu lil ħaddieħor. Ejjew nitolbu għalihom u għal oħrajn, biex il-Mulej imissilhom qalbhom.
“Il-ġirien tagħna, speċjalment iż-żgħar u dawk li qed isofru, huma dawk li għandna nagħtuhom l-imħabba li tagħna Alla. U hekk id-dinja ssir il-post għall-ħajja ġdida tagħna, aħna li rxuxtajna. Aħna rxuxtajna ma’ Ġesù u b’rasna mgħollija nistgħu naqsmu l-umiljazzjoni ta’ dawk li anke llum għadhom isofru, għadhom bla ħwejjeġ, huma weħidhom, huma fil-bżonn biex grazzi għalih u miegħu nsiru strumenti ta’ tama u sinjali ta’ ħajja u qawmien.
“F’ħafna pajjiżi – hawn fl-Italja u anke f’pajjiżi, l-Arġentina – hemm id-drawwa li fl-Għid meta jdoqqu l-qniepen, l-ommijiet u n-nanniet iġibu lit-tfal biex jaħslu għajnejhom bl-ilma, l-ilma tal-ħajja bħala sinjal li issa jistgħu jaraw l-affarijiet il-ġodda ta’ Alla. 
F’dan l-Għid, ejja naħslu qlubna, naħslu l-għajn ta’ qalbna biex naraw l-affarijiet sbieħ u nagħmlu affarijiet sbieħ. Dan hu l-qawmien ta’ Kristu wara l-mewt li kienet il-prezz tas-salvazzjoni”, temm jgħid Papa Franġisku.