L-Insara fl-Indja jipprotestaw paċifikament kontra l-attakki minn estremisti Hindu

L-Isqof Thomas Paulsamy ta’ Dindigul li tinsab fl-istat ta’ Tamil Nadu fin-nofsinhar tal-Indja, faħħar lill-insara li qed jirrinunzjaw għall-vjolenza fil-protesti tagħhom kontra l-attakki dejjem jiżdiedu fuqhom minn estremisti reliġjużi li jappoġġjaw lill-partit fil-Gvern.
L-Isqof akkuża lill-awtoritajiet tal-istat li qed iżommu mal-aggressuri li huma militanti Hindu minflok mal-minoritajiet reliġjużi li qed ikunu vittimizzati. Mill-bidu ta’ din is-sena f’Tamil Nadu biss kien hemm aktar minn 15 l-attakk vjolenti kontra l-insara.
Dan wassal biex madwar 20,000 nisrani minn 16-il belt fir-reġjun għamlu dimostrazzjoni paċifika fit-toroq kontra dawn l-attakki. L-Isqof qal li dawn id-dimostrazzjonijiet dejjem kienu paċifiċi u qatt ma kien hemm vjolenza.
Il-pulizija mhux biss naqsu milli jipproteġu lill-minoritajiet reliġjużi imma talli ppersegwitaw lill-insara vittmi tal-vjolenza. Il-vjolenza b’mottiv reliġjuż kienet tinkludi d-desakrazzjoni ta’ knejjes u l-qtil ta’ saċerdot li safa mgħallaq. Dan kollu pprovoka l-protesti paċifiċi tal-insara.
L-Isqof Paulsamy qal li l-Prim Ministru Indjan Narendra Modi u l-partit tiegħu l-Bharatiya Janata Party qed jappoġġja lill-gruppi tal-militanti Hindu. “Il-Partit qed jgħin lill-fundamentalisti għax il-Prim Ministru ma jridx japplika l-kostituzzjoni u minflok qed iħalli l-pajjiż jitmexxa mill-prinċipji reliġjużi u l-valuri tal-Hinduiżmu.