L-Insara fl-Eġittu jnaqqsu l-funzjonijiet għal raġunijiet ta’ sigurtà

Il-Kopti u l-Evanġelisti fl-Eġittu kellhom jissospendu xi ftit mill-attivitajiet reliġjużi tagħhom, fosthom xi pellegrinaġġi u konferenzi, għal raġunijiet ta’ sigurtà minn attakki ta’ gruppi Ġihadisti jew gruppi estremisti Iżlamiċi.
Din il-miżura se tibqa’ fis-seħħ sa tmiem ix-xahar ta’ Awwissu.
Ir-Reverendu Andrea Zaki, Kap tal-Knsija Evanġelika lokali qal li diversi aġenziji tas-sigurtà infurmaw li sabu pjani ta’ attakki minn gruppi estremisti.  Madankollu dawn il-miżuri mhux se jolqtu l-quddies u funzjonijiet reliġjużi li se jibqgħu jsiru fuq bażi regolari.
Kelliem għall-Knisja Ortodossa Kopta kkonferma li huma wkoll se jnaqqsu  minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet għall-istess raġunijiet ta’ sigurtà.
Din it-twissija twasslet lill-mexxejja reliġjużi waqt laqgħa fil-preżenza tal-ogħla awtoritajiet tal-Armata u l-Forzi tas-Sigurtà. 
Sadanittant l-Armata se talloka armati u vetturi militari barra knejjes u monasteri waqt ċelebrazzjonijiet importanti.
Tnejn minn dawn iċ-ċelebrazzjonijiet importanti se jsiru f’Assiut, fejn hemm komunità Nisranija kbira u fejn mistennija jaslu miljuni ta’ pellegrini minn madwar il-pajjiż kollu.
F’dawn l-aħħar xhur il-komunità Kristjana fl-Eġittu intlaqtet min-numru ta’ attakki. L-aħħar wieħed minn dawn l-attakki sar fis-26 ta’ Mejju meta kienet attakkata karrozza tal-linja li fiha kienu qed jivvjaġġaw xi pellegrini u numru minnhom sfaw maqtula.
Minn Diċembru li għadda ’l hawn madwar 100 membru ta’ komunità reliġjuża  żgħira nqatlu minn fundamentalisti Iżlamiċi.