L-Insara fis-Sudan b’tama għal-libertajiet ġodda

Insara jimxu fit-toroq biex jiċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù Bambin f’Karthoum, il-kapitali tas-Sudan

L-Insara Sudaniżi għaddew mit-toroq tal-kapitali, mis-suq mimli nies u t-toroq mimlija karozzi, lebsin bi flokkijiet bil-kliem “Inħobb lil Ġesù Bambin” jew bl-ilbies tradizzjonali tagħhom magħruf bħala “thobe”.

“Glorja ‘l Alla fl-għoli tas-smewwit u paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba”, beda jirrepeti wieħed mill-organizzaturi tal-mixja filwaqt li l-poplu jwieħeb bil-kant tal-“Hallelujah” u talb ieħor ta’ ċelebrazzjoni filwaqt li n-nies fis-suq u dawk li nzertaw fit-toroq jieħdu r-ritratti u juru b’idejhom is-sinjal tal- “V”.

Insara emarġinati

In-nies li ħadu sehem fil-mixja kienu grupp żgħir ta’ membri tal-Knisja Evanġelika, iżda s-simboliżmu ta’ dan il-marċ kien ferm akbar. It-tradizzjoni ta’ din il-mixja kienet waqfet f’dawn l-aħħar snin taħt it-tmexxija tal-President awtoritarju Sudaniż, Omar al-Bashir li hu u l-Gvern tiegħu huma akkużati li qed ifixklu u jemarġinaw lill-Insara u minoritajiet reliġjużi oħra.

F’dan l-istaġun ta’ festi, sena wara r-rewwixta kontra al-Bashir, il-pajjiż jinsab f’perjodu ta’ tranżizzjoni wara 30 sena ta’ tmexxija ripressiva. Il-militar kien neħħieh mill-poter f’April li għadda wara xhur ta’ protesti favur id-demokrazija fil-pajjiż. Bħalissa l-pajjiż qed jitmexxa minn amministrazzjoni tranżitorja magħmula minn ċivili u militari.

Il-marċ li sar nhar it-Tnejn li għadda hu sinjal ta’ tama għal bidu ġdid fil-pajjiż u ottimiżmu għal aktar libertà reliġjuża.

“Hallelujah. Illum ninsabu ferħana li l-Gvern Sudaniż ħalliena nimxu fit-toroq u nesprimu l-fidi tagħna”, qal Izdhar Ibrahim, wieħed minn dawk li ħadu sehem fil-mixja. Qabel, xi Nsara kienu jibżgħu għax konna nsibu xi diffikultajiet”.

Il-bidliet fil-pajjiż bdew fl-2011, wara li s-Sudan t’Isfel kiseb l-indipendenza mis-Sudan wara gwerra twila u referendum. Is-Sudan t’Isfel, fil-parti l-kbira tiegħu hu pajjiż Nisrani. Il-Gvern ta’ al-Bashir imbagħad żied il-pressjoni fuq l-Insara li baqa’ fis-Sudan u fuq dawk li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem.

Ngħixu fil-kwiet

Al-Bashir, li kien ħa l-poter fl-1989 wara kolp ta’ stat li kellu l-appoġġ tal-militar Iżlamiku, ma rnexxilux iżomm il-paċi f’pajjiż fejn kien hemm diversità reliġjuża u etnika. F’dak iż-żmien il-mixja tal-Insara kienet meqjusa bħala delitt. Issa li reġgħet bdiet issir hi “espressjoni ta’ libertà reliġjuża. Issa nistgħu ngħixu ħajjitna u l-fidi tagħna bil-kwiet.”

Noah Manzul wieħed mill-anzjani tal-Knisja jagħmel ħafna xogħol soċjali ma’ tfal orfni jew mingħajr dar u dan kien ġabu fl-inkwiet mal-Gvern ta’ al-Bashir. Kien ġie akkuzat li qed jipprova jikkonverti lit-tfal għall-Kristjaneżmu, allegazzjoni li hu dejjem ċaħad. Il-Gvern kien waqqfu milli jorganizza kant ta’ innijiet barra mill-knisja qrib is-suq.

Suliman Baldo, konsulent ewlieni ta’ “Enough Project” li jaħdem favur il-paċi u biex tieqaf il-kefrija f’żoni tal-Afrika fejn hemm il-gwerer, qal li taħt al-Bashir, il-mira kienet li “jillimita l-influwenza tal-Knisja. Taħt il-ħakma tiegħu, il-prorjetà tal-Knisja kienet tinħataf u xi knejjes gew imġarrfa u xi qassisin u predikaturi arrestati.

Għall-kuntarju, din is-sena, il-25 ta’ Diċembru kien dikjarat festa pubblika. Aktar kmieni, mara ta’ fidi Nisranija nħatret membru fil-Kunsill tat-Tmexxija tal-pajjiż. Fr Hafiz Dasta, Kappillan tal-knisja ta’ Bahri qal li issa, kuġinuh li hu Musulman jista’ jiċċelebra miegħu u jifraħ fl-istaġun tal-festi.