L-insara fin-Niġerja jilbsu l-iswed fir-Randan bi protesta

Insara jattendu l-funzjoni tal-Erbgħa tal-irmied fil-Knisja tal-Assunta f’Ikayi fin-Niġerja. (Nyancho NwaNri)

Għall-Quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied fin-Niġerja attendew nies aktar minn snin ta’ qabel wara appell tal-Isqfijiet biex il-poplu josserva dik il-ġurnata bħala Jum ta’ Luttu, talb u riflessjoni għal dawk li kienu maħtufa jew maqtula mit-terroristi madwar il-pajjiż.

L-attendenza rekord kienet konfermata mill-Isqof Niġerjan Emmanuel Badejo tad-djoċesi ta’ Oyo li hu wkoll il-President tal-Kumissjoni tal-Komunikazzjoni Soċjali tal-Konferenza Episkopali tal-kontinent Afrikan.

L-isqof  Badejo qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet Vatican News, li minn rapporti li rċieva minn madwar il-pajjiż, l-insara attendew bi ħġarhom għall-funzjoni tal-bidu tar-Randan.  Dan wara li f’Ittra Pastorali l-Isqfijiet appellaw lill-insara biex jattendu għall-funzjonijiet matul ir-Randan, lebsin l-iswed – li hu espressjoni Niġerjan ta’ luttu.

Ebda prosekuzzjoni fil-Qorti

“Inħoss li l-mod kif nitkellmu u naġixxu bħala Knisja fin-Niġerja jrid ikun dirett biex juri li l-pajjiż assolutament ma jistax jibqa’ għaddej kif inhu”, qal l-Isqof.

Żied jgħid li: “L-Isqfijiet iddikjaraw li hi responsabbiltà morali tagħhom li jiddefendu l-poplu u qalu lill-Gvern li ma jistax jibqa’ jippretendi li qed jipproteġi lill-insara, meta anqas persuna waħda biss ma kienet proċessata minn dawk li qed joqtlu n-nies sempliċement għax jiddikjaraw li huma nsara.

“Jekk  il-Gvern mhux kapaċi jiddefendi l-libertà reliġjuża u s-sigurtà tal-ħajja u l-proprjetà, allura nistaqsu: Dan xi Gvern hu?”

L-Isqof Badejo qal li l-Konferenza Episkopali tan-Niġerja darbtejn talbet għar-riżenja tal-President Muhammadu Bugari, għax m’hu jagħmel xejn.

Iż-Żgħażagħ

Mistoqsi jekk iż-żgħażagħ Niġerjani hux se jilqgħu l-messaġġ tal-Papa Franġisku fil-Messaġġ tiegħu tar-Randan 2020, biex ma jqisux il-Passjoni ta’ Kristu bħala xi ħaġa tal-passat imma waħda li toffri tama anke llum, l-Isqof Badejo wieħeb fl-affermattiv. Hu qal li ż-żgħażagħ fin-Niġerja għad għandhom tama li anke jekk l-Istat ma jagħmel xejn għalihom, il-Knisja dejjem tkun hemm għalihom.

Ħafna żgħażagħ għadhom jemmnu fin-Niġerja u fil-Knisja. Xhieda ta’ dan hi li l-maġġoranza ta’ dawk li attendew għall-funzjonijiet ta’ Ras ir-Randan kien żgħażagħ.