L-insara fi Sri Lanka għadhom jibżgħu jmorru l-Knisja

Il-Kardinal Malcolm Ranjith iżur waħda mill-knejjes li kienu attakkati f'Ħadd il-Għid

Ħafna nsara fi Sri Lanka għadhom jibżgħu jmorru l-Knisja minkejja d-diversi miżuri ta’ sigurtà li ttieħdu wara l-attakki terroristiċi fi tliet knejjes f’Ħadd il-Għid.

Veronique Vogel li qed tmexxi diversi proġetti ta’ Aid to Church in Need fi Sri Lanka, żaret il-pajjiż biex tara kif mexjin dawn il-proġetti u qalet lill-aġenzija tal-Vatikan li “Ħafna nies qaluli li għadhom jibżgħu jidħlu f’xi knisja u jibżgħu meta jisimgħu l-qniepen idoqqu.”

Sens ta’ tensjoni

Hi  qalet li fil-kapitali Colombo u fi bliet oħra fil-pajjiż, għadu jinħass sens ta’ tensjoni wara l-mewt ta’ 250 persuna u l-feriment ta’ 300 oħra, fil-21 ta’ April li għadda.

“Il-miżuri ta’  sigurtà fil-pajjiż huma stretti ħafna. Kull fejn iddawwar wiċċek tara forzi tal-ordni u membri tal-militar. Iżda l-biża’ għadu jeżisti, b’mod speċjali fost l-insara. Kulħadd jaf li x’imkien għad hemm nies perikolużi ħafna li meta jfettlilhom jistgħu jattakkaw”.

Aktar sigurtà

Il-Kardinal Malcolm Ranjith, Arċisqof ta’ Colombo, li hu kritiku ħafna tal-fatt li l-Gvern ta’ Sri Lanka ma għamel xejn qabel l-attakki tal-Għid, minkejja li kellu twissija mis-servizzi sigrieti tal-Indja b’dak li kien qed ikun ippjanat, talab għal aktar miżuri ta’ sigurtà waqt li jkun hemm xi servizzi fil-knejjes.

Vogel qalet li ħafna nsara kienu nkoraġġiti minn dan il-Kardinal li rrifjuta l-protezzjoni għalih personali li offrielu l-Gvern.

Żiedet li l-fidi tan-nies issaħħet wara dak li għaddew minnu, partikolarment fost dawk li tilfu xi qraba jew li b’effett tal-attakki, ħajjithom inbidlet darba għal dejjem.