L-insara f’Burkina Faso mġiegħla jaħarbu, jikkonvertu jew jinqatlu

Insara bla dar jattendu għal servizz reliġjuż f’Kaya, Burkina, Faso, aktar kmieni din is-sena. (Credit: Anne Mimault/Reuters via CNS.)

Skont l-organiżazzjoni Kattolika tal-karita “Clancy”, l-insara f’Burkina Faso qed ikunu sfurzati jaħarbu mill-pajjiż, jikkonvertu jew imutu minn Jihadisti Islamiċi.

Nhar it-Tnejn li għadda l-Gvern ta’ Burkina Faso qal li estremisti kienu wettqu żewġ attakki li fihom qatlu total ta’ 29 persuna.

Wieħed mill-attakki li seħħ nhar il-Ħadd – 8 ta’ Settembru – f’Dablo-Delba inqatlu 17-il persuna filwaqt li 15 oħra inqatlu meta trakk rifes splussiv fi triq fil-provinċja ta’ Sanmatenga.

Il-vjolenza mill-estremisti Islamiċi  f’Burkina Faso, matul din is-sena kibret sew u fuq il-fruntiera mal-Mali. F’dawn l-attakki nqatlu mijiet ta’ persuni u eluf kellhom jaħarbu minn djarhom.

Żdiedet il-vjolenza

L-insara kienu fil-mira. F’Ġunju li għadda, seba’ nsara nqatlu mill-Jihadisti f’attakk fil-belt ta’ Bani. Qabel  inqatlu saret tfittxija fuqhom għal xi oġġetti li jidentifikawhom bħala nsara bħalma huma slaleb u kopji tal-Bibbja.

Clancy qalet li “il-gvernijiet ta’ pajjiżi bħal Burkina Faso mhux biss għandhom jagħtu aktar protezzjoni lill-insara u minoritajiet oħra, imma l-komunità internazzjonali għandha tieħu passi deċisivi biex jintemm il-finanzjament internazzjonali tat-terroriżmu u t-trasferiment tal-armamenti minn pajjiż għall-ieħor.”

20% Kattoliċi

Burkina Faso hu pajjiż b’maġġoranza ta’ twemmin Musulman. Iżda l-minoranza ta’ Kattoliċi li tista’ tilħaq sa 20% tal-popolazzjoni hi waħda sinjifikanti. Ħafna mill-insara huma Kattoliċi u fil-pajjiż hemm 3 arċidjoċesijiet u 12-il djoċesi oħra.

Fl-imgħoddi, ir-relazzjonijiet bejn nies minn reliġjonijiet differenti kienu tajbin u l-Insara u l-Musulmani għexu flimkien fil-paċi. Iżda mill-2015 ‘l hawn is-sitwazzjoni inbidelt ħafna” gruppi Jihadisti li qabel kienu fil-Mali, infiltraw fil-Burkina Faso u bdew jiżdiedu l-attakki.

Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena il-Jihadisti qatlu 56 nisrani f’serje ta’ attakki vjolenti.

Fil-pajjiż hemm jaħdmu diversi gruppi Islamiċi li filwaqt li jattakkaw simboli tal-Istat bħalma huma skejjel, faċilitajiet tas-saħħa u postijiet militari, il-preferenza tal-attakki tagħhom hi fuq knejjes insara.