L-insara bierda jpoġġu lil Kristu fil-ġemb

Il-Papa waqt l-Omelija f'Santa Marta

F’Omelija li għamel waqt li kien qed iqaddes  f’Santa Marta nhar it-Tnejn li għadda, l-Papa Franġisku ddeskriva lil dawk l-insara li huma bierda fil-fidi tagħhom bħala nies li “qed ipoġġu lil Alla fil-ġemb” jew “ħaslu idejhom minnu”.

Il-Papa ħa spunt mill-Evanġelju fejn il-qassisin il-kbar ikkonfrontaw lil Ġesù dwar l-awtorità tiegħu biex jgħallem. U Ġesù dawwar id-domanda u staqsa lil min kien qed jinterrogah jekk l-awtorità ta’ Ġwanni l-Battista ġietx minn Alla.  Huma qalu li ma jafux u ma riedux jieħdu pożizzjoni dwar dan.

Papa Franġisku qal li l-mistoqsijiet tal-qassis il-kbir juru ż-żewġ attitudnijiet ta’ dawk li huma bierda fil-fidi: jippruvaw ipoġġu lil Ġesù f’rokna u jaħslu idejhom mill-isfida. Hu qal li dawn huma attitudnijiet perikolużi għax donnhom qed “jisfidaw lil Alla”. Kieku Alla jagħmel l-istess magħna, qatt ma nidħlu l-Ġenna.

Kristu għallem, talab u fejjaq lin-nies. Dan ġieb rabja fil-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu għax il-ħlewwa u l-ħniena ta’ Ġesù kienu jiġbdu n-nies lejH. Għalhekk il-mexxejja reliġjużi riedu jisfidaw l-awtorità tiegħu.

Ġesù, qal il-Papa, weġibhom billi staqsihom dwar l-awtorità ta’ Ġwanni l-Battista li huma ma kienux jemmnuh imma ma kienux jopponuh għax beżgħu mis-segwaċi tiegħu.

Medjokrita

Il-Papa Franġisku sejjaħ din l-attitudni ta’ la naħa u anqas oħra bħala waħda medjokri, it-triq li jieħdu dawk li jigdbu dwar il-fidi.

“Mhux Pilatu biss ħasel idejh minn Kristu; anke dawn in-nies: ‘Aħna ma nafux’. Ma rridux nitħaltu ma’ oħrajn, mhux se nidħlufi problemi, mhux se niġġieldu għad-drittijiet tagħhom, ma naħdmux biex infejjqu u ngħinu lil dawk fil-bżonn. Aħjar xejn. Ejja ma nħammġux idejna b’dawn l-affarijiet”.

Il-Papa qal li Kristu rrifjuta li jwieġeb lil min kien qed jinterrogah bid-diska tagħhom stess: “Mhux se ngħidilkom bl-awtorità ta’ min, qed nagħmel dan”.

“Dawn huma l-attitudnijiet ta’ nsara bierda, tagħna li kif tgħid nannti “insara tal-ilma żahar”: insara bla sustanza. Wieħed ipoġġi lil Alla fir-rokna” ‘Jew tagħmilli hekk jew ma mmurx knisja aktar”. U kif jirrispondi Kristu? OK, mur. Għamel li trid”.

Naħslu idejna

L-attitudni l-oħra, qal il-Papa hi li naħslu idejna minn kollox. “bħad-dixxipli fit-triq ta’ Emmaus fl-għodwa tal-Qawmien”.

“Ħafna nsara jaħslu jdejhom meta ffaċċjati bil-problemi tas-soċjetà, tal-istorja jew tan-nies ta’ żmienhom, imqar quddiem l-iċken diffikulta.  Kemm il-darba nisimgħu b’insara li jirrifjutaw li jagħtu karita lil min jitlobhom għax jgħidu ‘jien ma nagħti xejn lil ħadd għax imur jixrobhom’. Jaħslu jdejhom. Ipoġġu l-Kristu fir-rokna jew jaħslu jdejhom huma żewġ attitudnijiet perikolużi għax tkun qisek qed tisfida lil Alla. Nistgħu nimmaħinaw x’jiġrilna jekk Alla jpoġġi lilna fir-rokna. Qatt ma nidħlu l-Ġenna.  U x’jiġri jekk Alla jaħsel idejH minna? Imsieken aħna”.

Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku stedinna nistaqsu jekk f’qalbna hemmx xi waħda minn dawn l-attitudnijiet. Jekk iva, infittxu neħilsu minnhom biex “inwittu t-triq għall-Mulej, li ġej”.