“L-Innu Malti rridu ngħixuh mhux inkantawh biss” – Evarist Bartolo

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru Evarist Bartolo reġa’ tkellem fuq Facebook fejn appella lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex iżomm l-għaqda. Sostna li l-poplu jrid jgħix il-kliem tal-Innu Malti u mhux ikantah biss.

Fuq Facebook, il-Ministru qal li qed ikellmuh bosta Maltin ta’ kull fehma politika u qed jgħidulu li huma inkwetati li se jinqala’ inkwiet akbar milli diġà hawn. Sostna li l-pajjiż jinsab fi żmien perikoluż u delikat fejn hemm bżonn li jirbaħ il-ġid komuni.

Bartolo appella għar-raġuni u r-rispett minflok passjoni u mibgħeda, għall-kalma minflok vjolenza, għall-patrijottiżmu minflok partiġġjaniżmu u egoiżmu. Insista li tista’ ssir ġustizzja bla ma jinħaraq poplu u pajjiż sħiħ. Sostna li huwa fid-dmir ta’ kulħadd li jagħti sehemu sabiex il-pajjiż ma jinqeridx.

Din il-post ġiet propju wara li lbieraħ filgħaxija ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt ġiet ikkonfrontata minn impjegat ta’ membru tal-Kabinett, waqt li kienet qed tipprova ġġib il-kummenti għall-mistoqsijiet tagħha. Il-maniġment ta’ Newsbook.com.mt jikkundanna din il-konfrontazzjoni ta’ rabja, hekk kif il-ġurnalista kienet qed taqdi dmirha. Hija kienet qed tistaqsi lill-Membri Parlamentari malli bdew ħerġin mill-Parlament, li lbieraħ spiċċa siegħa u nofs qabel.