“L-innovazzjoni ma tfallix jekk tibqa’ tinbidel” – PM fl-Awstralja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-innovazzjoni li qatt ma tfalli hija waħda li tibqa’ tinbidel maż-żmien billi tisma’ lill-komunitajiet u taġġusta għar-realtajiet ta’ kuljum.
Dan qalu fid-diskors tiegħu waqt il-Forum tal-Commonwealth dwar l-innovazzjoni fi Brisbane fl-Awstralja, fejn il-Prim Ministru u martu, Michelle Muscat qed iżuru l-komunità Maltija filwaqt li jattendu l-avvenimenti relatati mal-Commonwealth.
Huwa sosta li jekk il-Commonwealth trid tantiċipa l-opportunitajiet tal-innovazzjoni hemm bżonn li tara li l-pajjiżi jaħdmu flimkien, jisimgħu aktar liċ-ċittadini tagħhom, u jaħdmu sabiex itejbu l-ħajjiet tan-nies.
Stqarr li Malta qed issegwi dan il-proċess u rrimarka li minkejja l-popolazzjoni żgħira u l-art limitata, xorta qed jirnexxilha tkampa u tmexxi fl-ekonomija u fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja. 
“Malta hija każ tajjeb ta’ kif l-innovazzjoni qed titħaddem fil-prattika. Quddiem ir-riżultati tajbin ħafna li qed jikseb fit-tkabbir tal-ekonomija u ħolqien tax-xogħol, pajjiżna jista’ jagħżel li jieħu pass lura. Iżda qed jagħmel il-kuntrarju”, qal Dr Muscat.
Fost ir-referenzi li għamel semma kif Malta ħolqot regolamentazzjoni ġdida għal żewġ setturi ġodda, il-produzzjoni ta’ mediċini bbażati fuq il-kannabis, u s-settur tal-blockchain.
Ritratt: DOI – Jason Borg