L-inkwiet u t-tama ta’ Bartolo

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li jinsab mimli inkwiet u tama, f’kitba tiegħu fuq Facebook. Bħal kull filgħodu, dalgħodu Bartolo ħalla messaġġ fuq Facebook fejn irrefera għall-kriżi politika.

Bartolo sostna li wara nofs Jannar tas-sena dieħla, wieħed jista’ jew juża l-kriżi u jibdilha f’opportunità jew inkella wieħed jista’ jkompli fejn ħalla mingħajr ma jitgħallem xejn. Saħaq li jekk il-kriżi tinbidel f’opportunità wieħed jista’ jġib bidla fil-Partit Laburista, fil-Gvern u f’Malta.

Fuq Facebook, Bartolo sostna li anki l-aktar siġra kbira u antika b’għeruq fondi għandha bżonn tkompli tinbidel u titlef il-partijiet il-morda tagħha. Staqsa għaldaqstant jekk il-Partit Laburista huwiex kapaċi jkun bħal dik is-siġra u jiġġedded.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni għamel numru ta’ mistoqsijiet fosthom jekk il-Partit Laburista huwiex kapaċi jeħles mill-ħakma tan-nies tal-flus fuq in-nies fil-politika, jekk l-istituzzjonijiet humiex imexxiha minn nies ta’ integrità jew inkella minn xi ħadd li qed jiġbed l-ispaga minn wara, fost numru ta’ mistoqsijiet oħra.