L-inkjesta pubblika għandha ddum kemm hemm bżonn – Il-PE lill-PM

Sarah Cassar Dymond

Read in English.

L-MEP Sophie in’t Veld kitbet ittra lill-Prim Ministru Robert Abela li fiha appellatlu biex iħalli l-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għaddejja kemm hemm bżonn, mhux sal-15 ta’ Diċembru biss.

L-inkjesta għandha ddum għaddejja sal-ġimgħa d-dieħla, sal-15 ta’ Diċembru, iżda l-Bord tal-Inkjesta kien talab lill-Prim Ministru għal estensjoni, għaliex mhux se jirnexxilu jwettaq xogħlu sa dik id-data. Il-PM irrifjuta, u qal li l-inkjesta għandha tintemm malajr kemm jista’ jkun. Din il-fehma wrieha wkoll il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis fil-Parlament din il-ġimgħa.

L-inkjesta kienet diġà ngħatat estensjoni ta’ tliet xhur f’Settembru minħabba dewmien ikkawżat mill-pandemija.

Madankollu, il-Kap tal-Grupp ta’ Monitoraġġ tad-Demokrazija, is-Saltna tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali fi ħdan il-Kumitat tal-Libertajiet Ċivili, tal-Ġustizzja u tal-Intern, Sophie in’t Veld, kitbet lill-Prim Ministru Robert Abela f’isem il-Grupp sabiex turih il-fehma tagħhom u ttenni l-appell tal-Parlament Ewropew.

Hija qaltlu li filwaqt li jumejn ilu, mal-ġurnalisti wera l-intenzjoni li l-inkjesta pubblika ma ddumx aktar mill-15 ta’ Diċembru, il-Grupp ta’ Monitoraġġ jemmen li hu ta’ importanza kruċjali li toħroġ il-verità sħiħa. Jekk l-inkjesta titħalla ddum aktar mill-15 ta’ Diċembru, hemm aktar possibbiltà li toħroġ il-verità.

L-ittra ssemmi wkoll kif il-membri tal-familja Caruana Galizia wkoll jixtiequ li l-inkjesta tkompli.

F’Settembru, il-Prim Ministru Abela qal li s-seduti tal-inkjesta pubblika fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandhom isiru kuljum jekk hemm bżonn. Huwa insista li dan l-episodju għandu jingħalaq. Abela qal li r-rimunerazzjoni li qed tingħata lit-tliet imħallfin li jiffurmaw il-Bord tal-Inkjesta mhix ftit, u għalhekk, issuġġerixxa li l-Bord jiltaqa’ aktar ta’ sikwit minn darbtejn fil-ġimgħa għal ftit sigħat. 

Il-Bord tal-inkjesta pubblika hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u mill-Imħallef Abigail Lofaro li għadha qed isservi bħala Imħallef.