L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne trid tingħalaq fi żmien raġonevoli – Zammit Lewis

Daphne Caruana Galizia memorial
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis tenna dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela, li l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia għandha tingħalaq fi żmien raġonevoli.

Mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista David Thake biex jagħti assigurazzjoni fil-Parlament li l-Gvern se jħalli l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia tieħu ż-żmien kollu li għandha bżonn, il-Ministru qal li l-ġustizzja trid tkun spedita.

“L-appell tiegħi hu ċar li l-inkjesta pubblika, il-Gvern għandu l-interess li titħalla taħdem. Imma din trid tingħalaq fi żmien raġonevoli,” spjega Zammit Lewis.

“Kemm hu ironiku li min-naħa l-Oppożizzjoni tgħidilna li trid emendi kif jinqatgħu l-inkjesti maġisterjali għax jaħsbu li jimxu bil-mod, imma ma jridux dan għall-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia,” stqarr Zammit Lewis.

Il-Ministru insista li min qed jgħid li hemm xi ndħil fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne, mhux jgħix f’dinja.
Hu spjega li kienet l-istess inkjesta pubblika li bagħtet ittra lill-Prim Ministru biex din tkun estiża.

F’Settembru Pieter Omtzigt, ir-Rapporteur għall-Kunsill tal-Ewropa fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li l-kapitlu fuq il-korruzzjoni u l-impunità f’Malta mhux se jingħalaq sakemm issir ġustizzja.

Tentattiv biex ifixkel il-ġustizzja – Cassola

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola qal li l-Prim Ministru Robert Abela qiegħed jipprova jostakola il-proċess tal-ġustizzja. Huwa qal dan b’reazzjoni għal kummenti li għamel il-PM dalgħodu mal-ġurnalisti.

Abela kien qiegħed iwieġeb għall-mistoqsijiet it-Tnejn filgħodu dwar l-inkjesta pubblika li l-estensjoni tagħha tiskadi l-ġimgħa d-dieħla.  

Cassola żied li ‘Abela huwa wieħed mill-ogħla rappreżentanti tal-istat li jinsab investigat f’din l-inkjesta.’ Huwa akkuża lill-Prim Ministru b’kunflitt ta’ interess u fakkar li l-eks imgħallem tiegħu qiegħed jiġi invesigat minn din l-inkjesta.

Huwa appella biex il-Prim Ministru Robert Abela jieqaf jiddefendi lil Joseph Muscat.