L-inkjesta ma sabitx nuqqas; Said isejħilha “farsa”

L-inkjesta Chris Fearne Chris Said ħelikopter

L-inkjesta maħtura mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex tinvestiga każ fejn pazjent miet għax ġie trasferit tard mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-Isptar Mater Dei ma sabitx li kien hemm nuqqas fis-servizz tal-ħelikopter. Dan filwaqt li d-Deputat Nazzjonalista Chris Said sejħilha “inkjesta farsa”.

L-inkjesta ma rċevitx il-verżjoni tal-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex Chris Said li kien l-ewwel wieħed li permezz ta’ stqarrija fuq Facebook qal li l-ħelikopter ma kienx qed jaħdem.

Dan ikkonfermah id-deputat Nazzjonalista Chris Said stess li ftit minuti wara li tħabbar l-eżitu tal-inkjesta kiteb li kienet “inkjesta farsa” u qal li dan kien nuqqas gravi għax ma ngħatax spazju biex jgħidilhom dak li kien jaf.

AQRA: Provi li l-ħelikopter ma kienx hemm għall-pazjent

Il-ħelikopter mingħajr kopilota; “issugraw ħajjithom biex telgħu”

Sors fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qal ma’ Newsbook.com.mt li l-ħelikopter kien qed jiġi mtajjar mingħajr kopilota. Qal li l-persuni li użaw il-ħelikopter “issugraw ħajjithom biex telgħu”. Spjegaw ukoll li dan kien “sogru” għat-tabib u l-infermiera li akkumpanjaw lill-pazjent.

Il-Gvern fi stqarrija qal li bord independenti, immexxi mill-Professur Joe Cacciattolo, ma sabx li kien hemm nuqqas fis-servizz tal-ħelikopter.

Fl-istqarrija, il-Gvern ippubblika parti qasira mill-konklużjoni tal-bord fejn jingħad li l-proċeduri adottati kienu normali skont il-protokoll.

 The procedures followed were in line with established normal practice and protocols. No difficulties were encountered during the transfer of the patient from GGH to MDH. The patient was only transferred to MDH once the attending physician considered that it was safe to do so. The air ambulance helicopter was available when a decision was taken that the patient needed transfer to MDH.

L-istess argument kien ippubblikat ftit minuti wara li seħħ l-inċident mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar ta’ Għawdex Joe Fenech li f’post fuq Facebook qal li l-pazjent ma kienx b’saħħtu biżżejjed biex jittieħed Malta bil-ħelikopter. Il-post tas-Sur Fenech tneħħiet minn Facebook jumejn wara li ttellgħet iżda Newsbook.com.mt qed jerġa’ jippubblika kopja tagħha.

L-istqarrija tal-Gvern tkompli billi ssemmi parti oħra mill-konklużjoni li titkellem dwar it-trasferiment bil-baħar u mhux bl-ajru. Il-Gvern jgħid li l-bord sab li l-arranġament bejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-kumpanija tal-vapuri Gozo Channel mhux ifformalizzat u kien wieħed ibbażat fuq prassi tradizzjonali. Ir-rakkomandazzjoni tal-bord tgħid li l-arranġament ta’ traġit ta’ ambulanzi bil-vapur għandu jiġi fformalizzat.