L-inkjesta fuq il-qtil ta’ Daphne tkompli l-Ġimgħa bix-xhieda ta’ Cardona

Read in English.

L-inkjesta pubblika fuq il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia se tkompli nhar il-Ġimgħa li ġej bix-xhieda tal-eks Ministru Chris Cardona.

Is-seduta tal-lum ġiet posposta peress li fost l-avukati, hemm persuna li qiegħda kwarantina.

L-inkjesta għandha l-għan li tara jekk l-Istat setax ipprevjena l-qtil tal-ġurnalista, u li tiskrutinja l-aġir tiegħu wara l-qtil.

F’Novembru 2019, kien Newsbook.com.mt l-ewwel li żvela li Dr Chris Cardona kien qed jiġi interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fost l-oħrajn dwar l-assassinju ta’ Caruana Galizia u dwar dak li żvelat l-istess ġurnalista, li kienet allegat li Cardona kien fil-burdell Acapulco fil-Ġermanja meta suppost kien fuq xogħol.

Dak iż-żmien Cardona kien Ministru għall-Ekonomija, u wara li ħareġ fil-midja li huwa kien ġie interrogat, hu ssospenda lilu nnifsu minn Ministru għal xi żmien.

Fil-qorti ssemma li n-numru ta’ Cardona kien fuq burner phone li nstab fil-baħar qrib it-tinda tal-patata fil-Marsa. F’din it-tinda kienu jiltaqgħu l-aħwa Degiorgio, li huma akkużati bil-qtil tal-ġurnalista. Apparti dan, Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju, kien għadda ittra lill-Pulizija li fiha kien hemm miktub li Cardona ħallas għall-assassinju. Cardona mill-bidu sostna li dan kien frame-up, u għadu jtenni dan sal-lum.

Mal-bidla tal-Prim Ministru f’Jannar, Cardona spiċċa bla ministeru. F’Ġunju li għadda, huwa rreżenja wkoll mill-Parlament. F’intervista mat-Times of Malta, ċaħad li li l-ħajja politika tiegħu ġiet fi tmiemha meta ismu ssemma fl-investigazzjoni tal-assassinju.