“L-Inkjesta Egrant mhix vanġelu u nappoġġja lil Delia” – Aquilina

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal li l-inkjesta ma tistax titqies verità bħall-vanġelu.

Fi blogg fuq Newsbook.com.mt, Aquilina qal ukoll li l-Avukat Ġenerali qed jabbuża mill-poteri mogħtija lilu mill-Kodiċi Kriminali.

Aquilina qal li se jkun interessanti l-eżitu tal-każ imressaq mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fejn talab li jkollu kopja tal-inkjesta dwar Egrant, fejn wera x-xewqa li l-Qorti tmur kontra d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali u tippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta li fiha aktar minn 1,500 paġna.

Il-Partit Laburista bi stqarrija dwar il-blogg

Il-Partit Laburista qal li mill-grupp parlamentari Nazzjonalista għad hemm min irid jimmina l-ġustizzja. Dan b’reazzjoni għall-blogg fuq Newsbook.com.mt tad-deputat Karol Aquilina.

Il-PL saħaq li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia issa huwa ffaċjat b’test ieħor jekk irid juri li l-Partit Nazzjonalista qed jinbidel biex jerġa’ jikseb il-kredibbiltà.

Fi stqarrija, Aquilina kien deskritt bħala wieħed mid-deputati li ħareġ jattakka l-inkjesta Egrant li mexxa l-Maġistrat Aron Bugeja u li l-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu tkellem dwar is-serjetà tagħha u l-integrità dwar min għamilha.