Aġġornata (4): Inkjesta konkluża: Jibdew ir-reazzjonijiet

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kkonferma li r-rapport tal-inkjesta dwar Egrant jinsab f’idejn l-Avukat Ġenerali, bl-inkjesta issa konkluża. Dan wara li l-Maġistrat Aaron Bugeja kkonkluda l-inkjesta dwar l-allegazzjoni li l-mara tal-Prim Ministru hija sidt il-kumpanija Egrant.

Sorsi qalu li r-rapport fih mal-1,000 paġna, bl-istqarrija tal-Avukat Ġenerali tgħid li r-rapport “r-rapport konklussiv tagħha huwa voluminuż”.

Il-PM jitlob li l-inkjesta tiġi ppubblikata

Il-Prim Ministru talab lill-Avukat Ġenerali biex jippubblika l-inkjesta. Fi stqarrija mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie spjegat li skont il-liġijiet ta’ Malta, l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi jekk għandhix tiġi ppubblikata jew le.

Il-Prim Ministru qal li se jikkummenta dwar din l-inkjesta wara li tiġi ppubblikata.

Simon Busuttil jitlob għall-pubblikazzjoni immedjata u sħiħa

L-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talab biex l-inkjesta tiġi ppubblikata immedjatament u b’mod sħiħ.

Fi tweet huwa qabel mal-Prim Ministru li r-rapport tal-inkjesta għanu jiġi ppubblikat.

Il-PN jgħid li f’ġieħ it-trasparenza, l-inkjesta għandha tiġi ppubblikata kollha

Il-Partit Nazzjonalista qal li jistenna li r-riżultat ta’ din l-inkjesta jiġi ppubblikat kollu fl-ispirtu tat-trasparenza sħiħa.

Fi stqarrija mhux iffirmata, il-PN ippubblika wkoll silta mit-terms of reference tal-inkjesta li kellha l-ħsieb li tiċċekkja:
“1) is-Sinjura Michelle Muscat allegatament hijiex l-Ultimate Beneficial Owner ta’ EGRANT Inc
2) jekk il-Prim Ministru jew membri tal-familja tiegħu jew John Dalli, Keith Schembri jew Konrad Mizzi għandhomx kontijiet bankarji fil-Pilatus bank
3) jekk kienux involuti fi transazzjonjiet finanzjarji suspettużi fi ħdan il-Pilatus bank jew f’atti ta’ korruzzjoi jew ħasil ta’ flus ma’ persuni mill-Ażerbajġan fil-Pilatus bank”

Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll li l-din l-inkjesta għaddiet għand l-Avukat Ġenerali sabiex tiġi analizzata skont il-liġi. Il-Partit Nazzjonalista issa jistenna li r-riżultat ta’ din l-inkjesta jiġi ppubblikat kollu fl-ispirtu tat-trasparenza sħiħa, u se jkun qed jagħti r-reazzjonijiet tiegħu dwar dan hekk kif l-inkjesta tiġi ppubblikata.

Il-Partit Laburista jgħid li Muscat dejjem kien ċar

Il-Partit Laburista fi stqarrija sostna li Joseph Muscat dejjem kien ċar dwar l-inkjesta.

Fl-istqarrija l-PL qal li Muscat qal diversi drabi li jekk tinstab nitfa’ verità dwar l-allegazzjoni li hi ta’ xi ħadd mill-familja tiegħu jirriżenja.

Iktar reazzjonijiet

https://twitter.com/MariaEfimova7/status/1020602932969041920

X’seħħ minn April 2017 ‘l hawn…

F’April tas-sena l-oħra, il-Prim Ministru talab lill-Kummissarju tal-Pulizija, biex jinforma lill-Maġistrat tal-Għassa biex jinvestiga l-allegazzjonijiet ippubblikati mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fil-każ Egrant. L-għada, il-Maġistrat Aaron Bugeja kien deher dieħel fil-Bank Pilatus, biex jibda l-inkjesta.

Matul l-aħħar 15-il xahar, il-Maġistrat ippospona numru ta’ kawżi oħrajn biex ikun jista’ jaħdem fuq din l-inkjesta. Fl-inkjesta, il-Maġistrat Bugeja kien bagħat ittri biex iġib aktar xhieda mill-Panama.

Kien biss xahrejn ilu meta mart il-Prim Ministru Joseph Muscat, Michelle Muscat f’intervista kienet ġiet ikkwotata tgħid li qed tistenna r-rapport tal-Maġistrat fejn qalet li fih mistennija “toħroġ il-verità” dwar il-kumpanija Egrant.

STQARRIJIET:
Stqarrija tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali
Stqarrija tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru
Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista