Aġġornata: “L-inkjesta dwar it-traffikar tad-droga f’Għawdex hi biss farsa” – PN; il-Prim Ministru jgħid li dak li qed titlob l-Oppożizzjoni imur kontra l-prassi

Il-Ministru tal-Ġustizzja Jason Azzopardi qal li l-inkjesta ppubblikata dwar l-indħil ta’ żewġ ministri f’każ ta’ traffikar tad-droga f’Għawdex hi biss farsa u maskra biex jitgħatta dak li verament ġara.
Fi stqarrija, Jason Azzopardi qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu b’mod immedjat jippubblika x-xhieda kollha tal-inkjesta hekk kif din ma ġabitx quddiemha individwi li jistgħu verament ipoġġu dawl fuq il-verità, u dwar kif il-laqgħa tal-Ministri affettwat il-proċess tal-ġustizzja.
Kompla jgħid li anki l-Prim Ministru jaf li l-inkjesta hi farsa hekk kif ma rreferiex għaliha fid-diskors tiegħu tal-Ħadd li għadda.
Barra minn hekk, il-Ministru staqsa għalfejn l-inkjesta ma sejħitx għall-allegat traffikanti tad-droga biex jgħidu x’ġara, għal missier l-allegat traffikant tad-droga li ltaqa’ maż-żewġ Ministri, għall-avukat li akkumpanja lit-tfajla fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, għall-ispetturi u l-membri tal-Korp tal-Pulizija li kienu preżenti għal-laqgħat, għall-kameras tas-sigurtà tal-Ministeru għal Għawdex u l-postijiet fil-viċinanzi, għall-kameras tas-sigurtà u l-logs tal-Gozo Channel, kif ukoll għall-Kelliem Chris Said.
“Dak li qed titlob l-Oppożizzjoni imur kontra l-prassi” – Prim Ministru
F’reazzjoni, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal li dak li qed titlob l-Oppożizzjoni li tiġi ppubblikata x-xhieda kollha mogħtija fl-inkjesta, imur kontra l-prassi fl-inkjesti ġudizzjarji u amministrattivi u m’għandux isir ukoll skont parir tal-Avukat Ġenerali.
Qal li x-xhieda f’inkjesta amministrattiva tingħata fil-magħluq u ma tiġix ippubblikata bl-għan li ma jiġix ippreġudikat id-dritt għal smigħ xieraq f’kawżi pendenti jew li jistgħu jsiru fil-futur.
Kompla jgħid li dan ukoll biex ma jiġux ippreġudikati d-drittijiet ta’ terzi persuni li jistgħu jkunu msemmija mingħajr ma kellhom l-opportunità li jagħmlu l-kontroeżami lix-xhieda.
“Ikun aħjar li Simon Busuttil jippubblika l-invoices foloz” – Partit Laburista
Fi stqarrija, il-PL qal li minflok jattakka lill-Gvern li verament qed jippubblika l-inkjesti u r-rapporti, ikun aħjar li Simon Busuttil jimxi nofs pass fuq dak li jgħid u jippubblika l-invoices foloz li ilu jaħbi għal iktar minn xahar.