L-inkjesta dwar it-3 Ministri u l-Vitals imwaħħla minħabba l-appell tagħhom

L-inkjesta maġisterjali dwar it-trasferiment ta’ tliet sptarijiet mill-Gvern lil Vitals Global Healthcare ma tistax tkompli sakemm jintemm l-appell mit-tliet ministri li qed jopponuha, skont ma qal l-Imħallef ilbieraħ.

L-Imħallef Giovanni Grixti qal li minkejja li r-raba’ raġel imsemmi fil-proċeduri ma appellax l-inkjesta, il-każ huwa wieħed għall-erbgħa li huma, b’hekk li kieku kellha titkompla l-inkjesta, tkun ta’ preġudizzju għat-tlieta l-oħra.

Aqra: Scicluna, Cardona, u Mizzi taħt inkjesta maġisterjali

It-talba għal inkjesta kienet saret mill-għaqda mhux governattiva Repubblika, li qalet li Maġistrat għandu jistabbilixxi jekk kienx hemm kompliċità kriminali min-naħa tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, kif ukoll Ivan Vassallo, sid kumpanija tal-provvisti mediċi. Dan fir-rigward tat-trasferiment tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex lill-kumpanija Vitals Global Healthcare.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit aċċettat it-talba, li mbagħad ġiet appellata mit-tliet ministri. Vassallo m’appellahiex.

Aqra: Talba għal inkjesta f’Scicluna, Cardona, u Mizzi dwar il-VGH

Ġimagħtejn wara, meta l-inkjesta kienet għadha ma bdietx, Repubblika ressqet protest ġudizzjarju li jsejjaħ lir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali biex jassenja l-inkjesta malajr kemm jista’ jkun. Ir-reġistratur imbagħad talab kopja tal-atti tal-każ sabiex jassenja l-inkjesta fir-rigward ta’ Vassallo.

Iżda l-Imħallef Grixti ċaħad din it-talba tar-reġistratur. L-Imħallef qal li minkejja li l-Maġistrat Stafrace Zammit kienet ikkonkludiet li r-rekwiżiti kollha għall-inkjesta fil-konfront tal-erba’ suspettati kienu saru, il-każ ma setax ikompli fil-konfront ta’ wieħed minnhom la tlieta minnhom kienu qed jappellawh.

Il-Qorti osservat li t-tliet ministri għamlu sew li oġġezzjonaw għat-talba tar-reġistratur. Żiedet tgħid li li kieku kellha tagħti l-atti mitlubin lir-reġistratur, dan imur kontra l-appell tal-ministri.

Dan id-digriet, għalhekk, ifisser li filwaqt li l-inkjesta kontra Vassallo jaf tiġi assenjata lil maġistrat, x’aktarx ma tinbediex mingħajr id-dokumenti neċessarji, li qed jinżammu mill-Qorti li qed tippresiedi fuq l-appell tal-ministri.