L-inkjesta “Dirty Oil” fl-isfond tal-qtil ta’ Daphne – RAI

L-aġenzija tal-aħbarijiet tar-RAI, irrapportat kif waħda mit-toroq l-aktar kredibbli li qed isegwu l-Pulizija fl-investigazzjoni tagħhom dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, hija marbuta mal-inkjesta tal-awtoritajiet ta’ Katanja magħrufa bħala “Dirty Oil”.
Din tirrigwarda traffikar illegali taż-żejt bejn il-Libja u l-Italja, li allegatament tinvolvi għexieren ta’ Taljani u Maltin.
“Is-semtex telaq mil-Libja” – ġurnalista Amerikana
Ir-RAINews24 jikkwota wkoll dak li qalet il-ġurnalista Amerikana Ann Marlowe, li fuq Twitter semmiet kif skont is-sorsi tagħha, il-materjal semtex li ntuża fil-bomba li qatlet lil Caruana Galizia telaq mir-reġjun ta’ Zwara fil-Libja.
Dan u aktar dettalji ħarġu f’servizz estensiv ta’ ftit inqas minn nofs siegħa, li matulha l-ġurnalisti tar-RAI analizzaw fid-dettall il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fost l-oħrajn, Marlowe issemmi kif m‘għandhiex provi konkreti għax qalet li l-Pulizija Maltija ma tagħthiex informazzjoni, iżda tgħid b’ċertezza li s-sorsi tagħha jsostnu li l-materjal splussiv telaq propju minn Zwara.