Segretarju permanenti tal-Finanzi kien oġġezzjona għall-garanzija Electrogas

Aġġornat 06:33 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Is-segretarju permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi kkonferma li kien oġġezzjona għall-garanzija statali ta’ €360 miljun li ngħatat lill-konsorzju Electrogas hekk kif kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia llum.

Alfred Camilleri, li ilu fil-kariga mis-sena 2006, ġie mistoqsi jekk qatt għamilx użu minn proċess li bih segretarji permanenti jistgħu jirreġistraw l-oġġezzjonijiet tagħhom. Ikkonferma li għamel użu minn dan biex joġġezzjona għall-garanzija kontroversjali, f’oġġezzjoni ndirizzata lill-Kabinett, lill-ministru responsabbli Konrad Mizzi, u lis-segretarju permanenti ewlieni.

Spjega wkoll kif il-ministeru pprova jnaqqas ir-riskji li din il-garanzija statali kellha fuq il-gvern.

Fil-bidu tas-seduta, l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi, f’isem il-familja Caruana Galizia, ippreżentaw nota ta’ sottomissjonijiet fejn oġġezzjonaw bil-qawwa għad-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li joffri estesjoni “għal darba waħda” tat-terminu tal-bord tal-inkjesta sal-15 ta’ Diċembru.

X’ħareġ illum

  • L-avukati tal-familja Caruana Galizia joġġezzjonaw li t-terminu tal-inkjesta ġie estiż “għal darba waħda” mill-Prim Ministru.
  • L-Enemalta ħallset €5 miljuni f’taxxa tas-sisa li kellhom iħallsu l-Electrogas
  • Il-Ministeru tal-Finanzi prova jnaqqas ir-riskji tal-garanzija statali ta’ €360 miljun mogħtija lill-Electrogas.
  • Camilleri kien irreġistra l-oġġezzjoni għal din il-garanzija mal-Kabinett, mal-ministru Konrad Mizzi u mas-segretarju parlamentari ewlieni.
  • Camilleri jistqarr li wara l-Panama Papers, beda jkun aktar kawt fuq kull proġett propost mill-ministeru ta’ Mizzi.
12:25 B'hekk il-blog tagħna jagħlaq hawn. Grazzi talli segwejtuna.
John Paul Cordina
12:23 Ix-xhieda ta' Camilleri tispiċċa hawn.

Comodini Cachia ssemmi kif l-eks kummissarju tal-pulizija Lawrence Cutajar se jkompli x-xhieda tiegħu nhar l-Erbgħa, u li bħal-lum ġimgha jixhed l-eks Deputat Prim Ministru Louis Grech.

Fil-lista tax-xhieda hemm ukoll il-Ministru Owen Bonnici, li mistenni jixhed fl-18 ta' Settembru, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li mistenni jixhed jumejn qabel, u l-Ministru José Herrera f'data li għadha ma ġietx imħabbra.
John Paul Cordina
12:15 Azzopardi jsaqsi jekk Camilleri jafx li Malta qed tipprova tilħaq Status of Forces Agreement mal-Istati Uniti, li jiċċara d-drittijiet u l-obbligi ta' personnel Amerikan f'Malta.

Jgħid li għalkemm rappreżentant tal-ministeru kien preżenti għan-negozjanti, dan ma kienx hu. Sema' bl-affari biss mill-midja lokali.
John Paul Cordina
12:11 Azzopardi jsaqsi jekk Camilleri jafx għala l-Accountancy Board ma rrevokatx il-liċenzja ta' operaturi li ħammġu r-reputazzjoni ta' Malta bl-abbużi tagħhom.

Camilleri jfakkar li din hi entita awtonoma u independenti, u li la qatt attenda laqgħat u la għandha obbligu żżommu nfurmat x'qed jiġri.

Però jżid li jaf għal xiex qed jirreferi Azzopardi – "m'inix stupidu," jgħid. Ċertu affarijiet ħarġu fil-pubbliku, però Camilleri jinsisti li m'għandux dritt jintervjeni.
John Paul Cordina
12:10 Azzopardi jsaqsi kif falliet is-sistema meta l-Pilatus Bank m'għamlitx suspicious transaction report, u min kellu jintervjeni.

Ir-regolatur kellu jaġixxi, iwieġeb ix-xhud.
John Paul Cordina
12:08 Camilleri qed juża numru ta' slides biex jagħmel il-preżentazzjoni tiegħu, u Said Pullicino jsaqsi jekk tax l-istess lecture lill-Kabinett.

Iva u b'aktar detall, jirrispondi s-segretarju permanenti.
John Paul Cordina
12:06 Iżid li jekk Malta jirnexxielha tgħaddi mill-eżami imma tinsa kollox il-jum ta' wara, ix-xogħol kollu li sar ikun moħli.
John Paul Cordina
12:04 Jappella li hu fl-interess ta' kulħadd li jsiru r-riformu, ghal ġid ta' pajjiż.

Jinsisti li fl-privat, jekk hemm tranżazzjonijiet suspetti, dejjem għandhom isiru r-rapporti li suppost isiru, imma ċertu setturi qed juru nuqqasijiet.

Din hi problema kollettiva, iżid Camilleri. Jekk il-privat ma' jikkollaborax mal-awtoritajiet, tinkiser il-katina.
John Paul Cordina
12:03 Camilleri jgħid li mhux kulħadd jemmen fil-bżonn tar-riformi, u mhux biss fil-gvern. Is-settur privat ukoll irid jagħmel il-parti tiegħu.
John Paul Cordina
12:01 Ifakkar li l-banek ma jagħmlux karità, u li jekk jaraw riskju se jkunu aktar kawti. Jekk regolaturi jaraw tranżazzjonijiet suspettużi, jistgħu jeħlu multi, u r-reputazzjoni tagħhom tista' tieħu daqqa.
John Paul Cordina
11:58 Camilleri jinsisti li grey-listing mhux neċessarjament ifisser il-kollass tas-settur finanzjarju Malti, peress li istituzzjonjiet finanzjarji ġa qed jikkunsidraw il-possibiltà li jiġri dan.

Jgħid li l-pubbliku in ġenerali jaf ma tantx jara differenza minn jum għall-ieħor, però grey-listing ikollu impatt fuq l-investiment barrani li hu bżonnjuż.

Is-suċess ta' Malta jiddependi fuq kemm tieħu kontroll tal-proġett.

Mistoqsi fuq l-impatt ta' greylisting fuq banek korrispondenti, jirrispondi "ħu l-fama u ntefa' l-baħar."
John Paul Cordina
11:57 Malta m'għandha l-ebda kontroll fuq il-proċess: il-Moneyval tieħu d-deċiżjoni tagħha meta tħoss li jkun xieraq.

Però Malta qed tagħmel minn kollox biex jiġi evitat il-grey-listing, skont Camilleri.
John Paul Cordina
11:56 Isemmi kif fir-rapport tal-Moneyval, kien hemm 11-il kriterju, u Malta falliet minn 9.

Iżid li hemm pjan ta' azzjoni li qed jiġi mplimentat, u li Malta kellha tibgħat l-ewwel rapport tagħha f'Ottubru li għadda. Dan għadu qed jiġi evalwat.
John Paul Cordina
11:53 Grey-listing, Camilleri jżid, ifisser li l-gvern ikollu jħabbar programma ta' riformi, u li Malta tkun taħt skrutinju mill-Financial Action Task Force.

Jispjega kif l-FATF twaqqfet b'inizzjattiva tal-G7, u jikkjarifika li Moneyval taqa taħt il-Kunsill tal-Ewropa, u mhux l-UE.
John Paul Cordina
11:52 Azzopardi jsaqsi x'ikun l-effett ta' grey-listing mill-Moneyval, u Camilleri jgħid li mhux faċli tispjega fi ftit kliem.
John Paul Cordina
11:49 Camilleri jsemmi kif f'Diċembru li għadda, fi żmien il-protesti kontra l-korruzzjoni, xi ħadd qallu biex iħares f'għajnejh u nsista li ma kien jaqsam f'xejn.

Azzopardi jgħid li ma jafx għal xiex qed jirreferi, imma Camilleri jkompli, jgħid li rrisponda li hu ma jħares lejn wiċċ ħadd.

L-avukat jistaqsi jekk Camilleri jistax isemmi din il-persuna, u minn taħt l-ilsien jikkonferma li dan kien Konrad Mizzi.
John Paul Cordina
11:48 Jason Azzopardi jsaqsi x'kienet ir-reazzjoni tiegħu għal direct orders, partikolarment f'każ fejn iċ-chairman ta' Projects Malta William Wait ħadem minn wara dahru.

Camilleri jgħid li f'dak il-każ kien kiteb lil Wait.
John Paul Cordina
11:47 Comodini Cachia ssaqsi x'kien ir-rwol tal-Ministru tat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli fi ħdan Projects Malta.

Camilleri jwieġeb li kienet maħtura bħala public relations officer minn Konrad Mizzi.
John Paul Cordina
11:45 Camilleri jemfasizza li kien oġġezzjona għal direct orders fuq prinċipju. Però jżid li fejn jidħlu servizzi professjonali jidħol element ta' fiduċja.
John Paul Cordina
11:42 Direct orders li jaqbżu ċertu ammont għandhom jgħaddu lid-direttur tal-kuntratti.

L-ewwel għandhom ikunu approvati mill-ministeru, li jrid jiġġustifikahom u jieħdu responsabbiltà tagħhom. Jaslu biss għand il-Ministeru tal-Finanzi biex jirċievu l-awtorizzazzjoni.
John Paul Cordina
11:41 Ifakkar li hemm kemm liġi kif ukoll direzzjoni politika fuq kif għandhom jaħdmu direct orders, u juri il-liġi speċifika lill-bord tal-inkjesta.
John Paul Cordina
11:38 Meta jingħataw direct orders, il-bord tad-diretturi ta' Projects Malta ma kienet tiġi nfurmata mill-ewwel.

Comodini Cachia ssemmi kif ingħataw numru ta' direct orders lin-Nexia BT, Beat Consultancy, Mifsud Bonici Advocates, William Wait u oħrajn.

Camilleri jinsisti li kien ħażin li tassumi li dawn l-ordinijiet kienu jinħarġu mill-Ministeru tal-Finanzi. Hu jaqra email li kien bagħat lill-kap eżekuttiv ta' Projects Malta, fejn jesprimi tħassib fuq in-numru ta' direct orders li ngħataw. Fiha ta parir li għandu jkun hemm aktar kompetizzjoni għall-kuntratti pubbliċi.
John Paul Cordina
11:37 Is-segretarju parlamentari jgħid li attenda laqgħa tal-Kabinett tlett darbiet, inkluż darba fejn ġiet diskussa il-garanzija statali tal-Electrogas, u darba oħra fuq ir-rapport tal-Moneyval.
John Paul Cordina
11:35 Camilleri jżid li Mizzi personalment ħatar in-nies fuq il-kumitati tal-evalwazzjoni. Min-naħa tagħha, Projects Malta kienet taħtar esperti tekniċi fejn kien hemm bżonn.
John Paul Cordina
11:34 Konrad Mizzi kien għamel preżentazzjoni fuq il-kuntratt tal-Vitals għall-Ministru Scicluna u għall-Camilleri. Dawn il-preżentazzjonijiet ġeneralment kienu jsiru fil-binja tal-ministeru.
John Paul Cordina
11:33 Camilleri jispjega li l-għan wara public-private partnerships hu li jkollok entità privata tiffinanzja proġett. B'hekk il-gvern ikun jista' jaħdem fuq aktar proġetti fl-istess ħin.
John Paul Cordina
11:32 Ifakkar li Projects Malta tissemma darba biss fir-rapport li kiteb l-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratt.
John Paul Cordina
11:28 Jgħid li Projects Malta ma kinitx mistoqsija tieħu l-ebda azzjoni dwar il-kuntratt tal-Vitals.

Però jżid li staqsa dwar dan f'Ġunju tal-2015, għax ried jikkjarifika x'kien ir-rwol tal-bord ta' Projects Malta b'relazzjoni mal-kuntratt.

Ġie nfurmat li l-proġett kien proġett tal-gvern, u mhux ta' Projects Malta. L-entità kienet tamministrah f'isem il-gvern, imma l-Ministeru tas-Saħħa u l-Enerġija (ta' Konrad Mizzi) baqa' direttament responabbli tiegħu.
John Paul Cordina
11:26 Camilleri issa qed jiġi mistoqsi fuq meta ġie maħtur direttur fuq Projects Malta minn Konrad Mizzi.

Jinsisti li ma kienx iwieġeb għal Mizzi, u lanqas ma kien iwieġeb għal ħadd ieħor. Projects Malta, ifakkar, kienet tipprovdi servizz bħal ma jagħmlu entitajiet oħra, inkluża l-Mimcol.
John Paul Cordina
11:26 Camilleri jikkonferma li ma kellu l-ebda rwol fin-negozjati dwar il-Café Premier.
John Paul Cordina
11:24 Comodini Cachia ssaqsi jekk għamilx użu minn mekkaniżmu li segretarji permanenti jistgħu jużaw biex jagħmlu l-oġġezzjonijiet tagħhom.

Isemmi każ fuq ix-xiri ta' purtieri fil-Palazz tal-President fis-sena 2012, fejn kien irreġistra oġġezzjoni mal-Prim Ministru Gonzi.

Oġġezzjona wkoll għal-garanzija li ngħatat lill-Electrogas. Din l-oġġezzjoni kienet reġistrata mal-Kabinett, mal-ministeru responsabbli, u mas-segretarju permanenti ewlieni
John Paul Cordina
11:22 Said Pullicino isaqsi fuq il-ftehim kontroversjali li ntlaħaq mas-sidien tal-Café Premier.

Camilleri jgħid li l-parir tiegħu kien li kollox jiġi ddokumentat, u li jittieħdu l-minuti ta' kull laqa' li fiha saru n-negozjati.

Iżid li ma kkomunikax ma' Joseph Muscat – li kien direttament responsabbli għall-artijiet dak iż-żmien, imma mas-segretarju permanenti ewlieni Mario Cutajar.
John Paul Cordina
11:17 Jinnota kif ingħataw madwar €6 miljuni lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), u li l-budget tal-FIAU issa qabeż l-€10 miljuni.
John Paul Cordina
11:15 Camilleri jerġa' jinsisti li qatt ma kien hemm każ fejn ir-riżorsi meħtieġa ma ngħatawx.
John Paul Cordina
11:09 Camilleri nsista li kieku ried jevita problemi kien jirriżenja bħal ħafna oħrajn.

Ifakkar li fl-2012, kien mitlub jagħmel stqarrija fejn jinsisti li affari mhux kontra l-liġi. B'risposta offra r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru ta' dak iż-żmien, Lawrence Gonzi.

Gonzi rrispondieh sekondi wara, jitolbu biex ma jagħmilx dan il-pass.

Jikkonferma li din l-affari kienet tikkonċerna l-Uffiċċju tal-President, fi żmien meta l-President kien George Abela.
John Paul Cordina
11:07 Said Pullicino jistaqsi fuq sanzjonijiet, u Camilleri jgħid li hu dejjem kien kontra l-amnestiji fuq it-taxxa.

Jgħid li dawn jagħtu l-barka lill-evażjoni tat-taxxa.
John Paul Cordina
11:05 L-Imħallef Mallia jinnota li Malta ilha membru tal-Unjoni Ewropea mill-2004, u jistaqsi għala qed taqa' taħt tant skrutinju fi snin riċenti.

Camilleri jinsisti li Malta ilha taħt skrutinju fuq l-evażjoni tat-taxxa, partikolarment minħabba l-mod kif tikkalkula taxxi. Għalkemm din is-sistema ġiet approvata mill-UE, stati membri oħrajn baqgħu joġġezzjonaw għaliha.
John Paul Cordina
11:05 Camilleri jinsisti li l-awtoritajiet investigattivi ngħataw ir-riżorsi kollha li talbu.
John Paul Cordina
11:04 Waqt li Said Pullicino jaqbel li dawn passi pożittivi, iżid li dan kollu ġara wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, u li possibilment kienu konsegwenza ta' dan.
John Paul Cordina
11:00 Comodini Cachia issa ssaqsi x'ġara biex Malta tispiċċa f'riskju ta' grey-listing mill-Moneyval.

Camilleri jgħid li kien hemm problemi varji, inkluż il-bżonn ta' aktar kordinament u koperazzjoni bejn aġenziji differenti.

Kien hemm bżonn żieda fir-riżorsi, inkluż dawk umani, u żied li ssaħħu l-liġijiet fejn kien hemm bżonn.

Importanti wkoll kienu l-effettività tal-miżuri kontra l-ħasil tal-flus, inkluż fl-investigazzjonijiet, fil-prosekuzzjoni, u fejn hemm bżonn, fil-kundanni.
John Paul Cordina
10:59 Comodini Cachia ssaqsi jekk Camilleri bediex jimxi b'mod differenti fuq proġetti li kienu jaqgħu fid-dekasteru ta' Konrad Mizzi wara li ismu ssemma fil-Panama Papers.

Camilleri jgħid li beda jkun aktar kawt, u li kien jiċċekkja kollox aktar minn darba, waqt li jfakkar li kien hemm biss allegazzjonijiet, u li ħadd ma rċieva sentenza mill-qrati.
John Paul Cordina
10:57 Mallia jżid li jekk ittieħdu xi passi dwar il-Panama Papers, saru mill-anqas sena wara li ħarġet l-aħbar. Isaqsi jekk il-ministeru naqas milli jieħu xi passi li seta ħa qabel.

Però Camilleri jinsisti li l-ministeru m'għandu l-ebda poteri investigattivi, u li dawn huma awtonomi. Jgħid li fuq dan għandhom jiġu mistoqsija il-politiċi, peress li hu jkopri rwol amministrattiv.
John Paul Cordina
10:53 Comodini Cachia allura ssaqsi jekk il-ministeru naqas milli nsisti li persuni jiġu investigati fuq ħasil tal-flus wara s-Swiss Leaks u l-Panama Papers.

L-Imħallef Mallia jippreżenta l-istess mistoqsija b'mod differenti, jsaasi jekk l-affarijiet setgħux saru mod ieħor.

Camilleri jinsisti li l-ministeru ta r-riżorsi neċessarji lid-dipartimenti tiegħu biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħlom, u li x-xogħol in-nifsu responsabbiltà tagħhom. Iżid li l-policy tiġi mil-liġi, u mhux skont il-ħsibijiet tal-ministeru.
John Paul Cordina
10:52 Said Pullicino jsaqsi jekk il-Ministru Scicluna qatt iddiskuta l-evażjoni tat-taxxa fil-Kabinett, imma Camilleri jgħid li ma jistax ikun jaf jekk hux il-każ.
John Paul Cordina
10:50 L-avukata tirreferi għal xhud tal-Inland Revenue, li spjega li kienu avżati jittrattaw l-affari b'mod amministrattiv.

Camilleri jfakkar li skont il-liġi, kwistjonijiet fuq taxxa jistgħu jiġu ndirizzati b'mod kriminali jew amministrattiv.

Iżid li din kienet kwistjoni fuq ħlas ta' taxxa, u li l-ministeru ma jidħolx fihom direttament.
John Paul Cordina
10:49 Comodini Cachia ssaqsi fuq il-Panama Papers, u fuq l-azzjonijiet li ttieħdu mill-ministeru b'riżultat.

Camilleri jgħid li kulħadd ried jagħmel il-parti tiegħu, u kulħadd jaf x'inhu xogħlu, u jżid li dejjem kien lest li jipprovdi l-assistenza tiegħu.
John Paul Cordina
10:48 L-eks Prim Imħallef isaqsi fejn l-affarijiet marru ħażin, u għalfejn kien hemm dell daqstant ikrah fuq il-proġetti tal-gvern.

Camilleri jgħid li din mistoqsija li diffiċilment seta jirrispondi, waqt li jfakkar li investigazjonijiet għadhom għaddejjin.
John Paul Cordina
10:47 Said Pullicino jsaqsi fuq ir-relazzjoni bejn in-negozju u l-gvern, u x-xhud ifakkar li d-dħul tal-gvern jiddependi min-negozju.
John Paul Cordina
10:44 Ifakkar li fil-kriżi tal-2008, il-gvern kien ta l-għajnuna lill-industrija.

Iżid li mit-Tieni Gwerra Dinjija, gvernijiet Maltin kellhom ossessjoni ewlenija minħabba l-istorja tal-pajjiż: l-ekonomija u x-xogħol.
John Paul Cordina
10:42 L-eks Prim Imħallef jinnota li l-gvern kien iddikjara li se jkun business friendly, u jsaqsi lil Camilleri x'kien l-effett ta' dan.

Camilleri jirrispondi li fl-opinjoni tiegħu, ma jidhirx li gvernijiet preċedenti ma kinux business friendly. Josserva li l-ġid ma jiġix mill-gvern, u li d-dħul tiegħu jiddependi fuq sorsi varji, inkluż it-taxxi.

Iżid li Malta għandha ekonomija diversifikata, minkejja ċ-ċokon tagħha, u jgħid li dan għen biex l-impatt tal-kriżi finanzjarja kien minimu.
John Paul Cordina
10:40 Said Pullicino jsaqsi jekk allegazzjonijiet fuq kickbacks ħarġux fl-istess żmien.

Camilleri jgħid li ma jafx, u jżid li f'Malta ma kienx hemm proġett wieħed li ma ġġenerax kontroversja. Kull wieħed ġie riferut lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga.
John Paul Cordina
10:37 L-emails li qed jinqraw kienu ġew mgħoddija lill-Daphne Caruana Galizia.

Comodini Cachia qed taqra email oħra, fejn Electrogas u Mizzi ġew infurmati li Socar kienet se toħroġ stqarrija għall-istampa.

Irrisponda Ronald Mizzi, li kien segretarju permanenti fil-ministeru ta' Mizzi, u li nnota li għamel ftit emendi għall-istqarrija.

L-avukata tistaqsi hekk Camilleri qatt ġie mistoqsi jirrevedi stqarrijiet minn Socar jew Electrogas, imma Camilleri jwieġeb fin-negattiv.
John Paul Cordina
10:32 Fiona Brinkworth, mill-Bank of Valletta, infurmat lill-ministeru li s-self ta' terminu qasir – bridge loan – ma kienx qed jitħallas lura.

Camilleri jgħid li aġixxa b'mod immedjat, u li rrisponda kemm in-nies li kienu kkupjati fl-email ta' Brinkworth kif ukoll lill-Ministru Scicluna.
John Paul Cordina
10:29 Comodini Cachia tkompli taqra mill-email ta' Musayev, li nkitbet f'Settembru tal-2017, fejn jgħid li ministru qed jaħdem biex isolvi problema fuq taxxa tas-sisa.

Issaqsi lil Camilleri jispeċifika liem ministru kien qed jirreferi għalih Musayev, u xi problema kien qed isemmi.

Camilleri jirrispondi li l-ministeru sar jaf dan biss f'Jannar tal-2018. In-negozjati kienu saru minn Konrad Mizzi, u t-taxxa tas-sisa tħallset mill-Enemalta, bi spiża ta €5 miljun.
John Paul Cordina
10:27 Comodini Cachia taqra email oħra, minn Turab Musayev, fejn jgħid li hu u Fenech tkellmu ma Konrad Mizzi u "David," fejn qalu li d-deadlines ma setgħux jintlaħqu. Huma qablu, però estensjoni tat-terminu tas-self ma kienx possibli.
John Paul Cordina
10:26 L-avukata issa tirreferi għal emails oħra, li jinvolvu Socar Trading, il-kumpanija statali tal-Ażerbajġan li tifforma parti mill-konsorzju Electrogas.

Fihom rappreżentant tas-Socar jinnota li s-selliefa kellhom tħassib serju.

Camilleri jgħid li qatt ma ġie nfurmat fuq dan.
John Paul Cordina
10:25 Camilleri jgħid li ma jafx b'dawn l-emails partikolari.
John Paul Cordina
10:22 Comodini Cachia tirreferi għal emails li saru bejn Catherine Halpin, li kienet direttur finanzjarju tal-Electrogas, u Yorgen Fenech qabel l-elezzjoni tal-2017.

Halpin issemmi li ċertu Peter, mill-Electrogas, kien qed jinkwieta li l-banek qed ikollhom tħassib dwar il-proġett, u li selliefa potenzjali qed isaqsu ħafna mistoqsijiet.

Fenech jinnota li Simon Busuttl kien qed jinsisti li jneħħi t-tanker tal-Electrogas minn Delimara u li jixtri elettriku mill-interconnector minflok, jekk il-PN jitla' fil-gvern. Però jgħid li kull ma kellhom bżonn jagħmlu jistennew ġimgħa.
John Paul Cordina
10:21 Comodini Cachia ssaqsi lil Camilleri biex jelabora fuq l-estensjoni ta' SVDP u fuq il-garanzija statali.
John Paul Cordina
10:18 Comodini Cachia tfakkar li f'seduta preċedenti, Camilleri kien semma kif fuq l-estensjoni tar-Residenza St Vincent de Paul, il-ministeru responsabbli fittex l-għajnuna tal-Ministeru tal-Finanzi wara li 'għaffiġha.'

Camilleri jinnota li kull ministeru responsabbli tal-proġetti tiegħu. Iżid però li l-garanzija statali għall-Electrogas kienet deċiżjoni kollettiva tal-Kabinett.
John Paul Cordina
10:18 Camilleri jżid li fil-parti l-kbira, il-Ministeru tal-Finanzi ma jidħolx fi proġetti li jniedu ministeri oħra.
John Paul Cordina
10:16 Camilleri jinsisti li għalkemm jista' jidher mod ieħor, il-gvern m'huwiex espost għal riskji bil-ftehim fuq is-sigurtà tal-provvista, sakemm Enemalta kienet qed tiġi rristrutturata u tibqa' f'pożizzjoni li tagħmel ħlasijiet.
John Paul Cordina
10:15 Iżid li l-ftehim fuq sigurtà tal-provvista tal-gass ġie offrut lil kull min għamel offerta, inklużi l-Electrogas.
John Paul Cordina
10:14 Camilleri fakkar li f'Diċembru ta' 2012, il-Parlament kien qabel fuq ir-ristrutturar tad-djun ta' Enemalta.
John Paul Cordina
10:10 Fl-aħħar tmien banek u kumpanija ta' investimenti spiċċaw joffru self lill-Electrogas.

Kien hemm qbil fuq self ġdid wara li tħallas self ta' terminu qasir. F'dan il-punt, il-Ministeru tal-Finanzi ma baqax jinvolvi ruħu fl-affari.
John Paul Cordina
10:08 Camilleri nsista li aġixxa kull darba li ħass li xi ħaġa mhux qed issir sew.

Qal li forsi kien kawt iżżejjed, imma fakkar li kien hemm €72 miljun ta' breakage fees, u li kieku l-gvern seta jiġi kostrett li jieħu kontroll tal-power station bi spiża ta' €522 miljun.

Il-ministeru naqqas ir-riskji b'mod konsiderevoli, Camilleri jżid.
John Paul Cordina
10:07 Iżid li xtaq inaqqas ir-riskju għall-gvern, li jkun hemm safety net jekk ma jintlaħaqx ir-riżultat mixtieq.
John Paul Cordina
10:05 Camilleri nnota li l-gvern kien espost għal ammonti konsiderevoli b'riżultat tal-garanzija kieku l-affarijiet marru ħażin. Jgħid li rnexxielhom jgħadduha, imma li ma kienx faċli.
John Paul Cordina
10:04 Il-garanzija finanzjarja kienet ta' €450 miljun, u l-gvern serva bħala garanti ta' €360 miljun. Id-€90 miljun l-oħra ġew koperti minn ittri ta' kreditu tas-sidien tal-ishma tal-Electrogas.
John Paul Cordina
10:02 Fit-30 ta' Novembru tal-2017, l-erba' banek laħqu stat ta' "financial close" mal-Electrogas, u n-numru ta' selliefa żdiedu.

Apparti dawn l-erba' banek, kien hemm ukoll id-BNP, id-DZ Bank, Crédit Industriel et Commercial u Rivage Investment.
John Paul Cordina
10:00 Comodini Cachia ssaqsi kemm kienu nvoluti banek fil-garanzija statali mogħtija lill-Electrogas.

Camilleri jsemmi l-BOV, HSBC London, Société Générale u KfW.
John Paul Cordina
09:59 Camilleri jżid li hu wkoll għandu kopja tal-kuntratt miegħu. Din tiġi mgħoddija lill-bord, biex tkun tista' tikkumpara ż-żewġ dokumenti personalment.
John Paul Cordina
09:57 Camilleri hu mitlub jikkonferma jekk id-dokument huwiex dak oriġinali kif speċifikat. Is-segretarju permanenti jikkonferma li dan huwa minnu.
John Paul Cordina
09:55 Mallia jinforma lil Camilleri fuq id-dokument li l-bord irċieva mill-gvern.
John Paul Cordina
09:53 Hekk kif il-proċeduri inizjali jiġu fi tmiemhom, is-sur Camilleri jieħu l-ġurament biex ikompli x-xhieda tiegħu.
John Paul Cordina
09:51 Mallia, li jservi bħala ċ-chairman tal-bord, iħabbar li l-bord irċieva d-dokument oriġinali li bih il-gvern ta' garanzija finanzjarja lill-konsorzju Electrogas.
John Paul Cordina
09:49 B'hekk il-bord iddeċieda li n-nota tal-avukati tal-familja, kif ukoll l-argumenti verbali li għamlet Comodini Cachia, għandhom jiġu kkomunikati lill-Prim Ministru Abela, li hu mistieden jagħti r-risposta tiegħu.
John Paul Cordina
09:47 L-Imħallef Lofaro tfakkar li ma jistax jintesa' t-taqlib li ġabet il-pandemija tal-Covid-19. B'riżultat tal-miżuri li tħabbru, il-bord ma setgħax jiltaqa' għal tlett xhur sħaħ.
John Paul Cordina
09:47 Mallia jikkonferma li l-Prim Ministru se jiġi notifikat formalment fuq is-sottomissjonjiet tal-familja Caruana Galizia.
John Paul Cordina
09:46 Però Comodini Cachia żżid li meta tikkunsidra n-numru ta' xhieda u l-ammont ta' ħin l-inħela, il-bord ma jistax sempliċiment jiddeċiedi li ma jismax aktar xhieda.
John Paul Cordina
09:45 Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Mallia jgħid li l-inkwiet tiegħu hu li meta l-bord staqsa għal estensjoni, staqsa biex it-terminu jiġi estiż sal-aħħar tas-sena.
John Paul Cordina
09:44 Hi tinsisti li l-bord għandu bżonn ir-riżorsi tagħhom, minimi kemm jista' jkunu. Semmiet li l-uffiċjali li qegħdin jieħdu ħsieb it-traskrizzjoni ta' dak li qed jingħad waqt l-inkjesta ma' tħallsux ta' kollox
John Paul Cordina
09:43 Għalkemm dawn it-termini jimmiraw li x-xogħol jikkonkludi fi spazju ta' disa' xhur, Comodini Cachia tinsisti li dawn ma jeskludux li jkun hemm bżonn perjodu itwal ta' ħin.
John Paul Cordina
09:42 Comodini Cachia spjegat li skont l-Att dwar l-Inkjesti, itt-termini ta' referenza jorbtu l-bord. Fin-nota tagħhom, l-avukati fakkru li dawn it-termini waslu biss wara negozjati mhux faċli bejn il-familja u l-ogħla rappreżentanti tal-gvern.
John Paul Cordina
09:41 F'isem il-familja Caruana Galizia, l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi ppreżentaw nota ta' sottomissjonijiet dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jestendi t-terminu tal-bord "għal darba waħda biss," sal-15 ta' Diċembru.

Il-familja toġġezzjona bis-saħħa għal din id-deċiżjoni.
John Paul Cordina
09:40 It-tlett membri tal-bord tal-inkjesta – l-Imħallef Emeritu Michael Mallia, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro – daħlu fl-awla.
John Paul Cordina
09:39 Il-jum it-tajjeb. Newsbook qegħdin live mill-Awla 20 tal-Qorti.
John Paul Cordina