Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi li misshom qalu l-verità sħiħa fuq l-aġir tagħhom wara li l-Panama Papers kixfu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama li kienu fetħu wara l-elezzjoni tal-2013.
Muscat, li kien ħadem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bejn l-2013 u l-2020 – kien spiċċa bħala l-viċi ta’ Schembri, li kien chief of staff – kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-bord staqsietu x’kien qal lil kap tiegħu wara li nkixef għemilu bil-Panama Papers, u qal li “għidtlu dak li kelli ngħidlu.” Hekk kif il-bord staqsietu aktar mistoqsijiet fuq l-istess tema, żied jgħid, bl-Ingliż, li qal li Schembri u Mizzi “should come clean on it.”
Xehed ukoll il-Kummissarju tat-Taxxi Interni Marvin Gaerty, li f’seduta preċedenti kien mistoqsi jitlob dispensa mill-Prim Ministru biex jistħarreġ fuq lista ta’ persuni relatati mal-Panama Papers.
Però x-xhieda ta’ Gaerty kienet iqsar milli mistenni għax kien hemm nuqqas ta’ ftehim, u l-lista spiċċat qatt ma waslet għandu.
L-inkjesta għandha tkompli tisma’ x-xhieda nhar it-Tnejn, b’Gaerty mistenna jkompli x-xhieda tiegħu aktar tard dan ix-xahar.
Fis-seduta preċedenti kellhom jixhdu Brian Tonna u Karl Cini min-Nexia BT, iżda dawn għażlu li ma jirrispondu l-ebda mistoqsija.
11:16 Is-seduta tintemm hawn: l-inkjesta tkompli nhar it-Tnejn fis-1pm, b'seduta oħra bħal-lum ġimgħa fid-9.30am.
Is-seduta ta' nhar il-Erbgħa mhux mistennija ssir.
11:15 Proviżjonalment, Gaerty ġie mitlub jerġa' jidher quddiem il-bord fl-20 ta' Novembru.
11:14 L-avukata Vincienne Vella, f'isem Gaerty, tiġi mogħtija l-lista ta' nies dwar min Gaerty għandu jitlob dispensa tal-Prim Ministru u jinvestiga.
11:12 Gaerty jirrispondi li kien jaf bil-każ tas-17 Black, u li kieku riedu jkellmuh fuqha ma kienx jattendi laqgħa magħhom.
11:11 Jason Azzopardi jistaqsi jekk l-avukati ta' Fenech talbux laqgħa wara li ħareġ li 17 Black kienet tiegħu.
11:10 Gaerty jinsisti li l-laqgħat ma kellhomx x'jaqsmu mal-kumpanija sigrieta ta' Fenech 17 Black.
Qal li jista' biss jgħid li kienu dwar kwistjoni fuq VAT.
11:09 Gaerty jgħid li kien iltaqa' ma' Fenech u l-avukati tiegħu fl-uffiċċju tiegħu. Waħda minn dawn il-laqgħet saret fl-uffiċċju tal-avukati minħabba n-numru ta' nies li kienu preżenti.
11:07 Gaerty jikkonferma li kellu "laqgħa informali" ta' madwar 10-15 minuta mal-pulizija dwar messaġġ li kien bagħat lil Yorgen Fenech.
Iżid li l-kontenut tal-messaġġ kien identiku għal email li kien bagħat minn fuq l-email tax-xogħol.
11:04 Comodini Cachia tgħid li x-xhud għandu jgħid jekk il-PM tax id-dispensa rigward l-individwi u l-kumpaniji kunċernati. F'każ li ma ngħatatx, Gaerty ġie mitlub jispjega r-raġunijiet wara din id-deċiżjoni, kif ukoll isemmi xi restrizzjonijiet oħra li seta' jkun hemm.
11:03 Jidher li kien hemm nuqqas ta' ftehim, u li b'riżultat ta' dan il-lista ma twasslitx lil Gaerty minn uffiċjal tal-qorti.
11:02 Comodini Cachia tgħid li l-lista kella titwassal minn uffiċjali tal-qorti.
Gaerty kellu bżonn clearance mill-Prim MInistru biex jibda jinvestiga l-individwi msemmija.
11:01 Gaerty kien ġa xehed quddiem il-bord tal-inkjesta, u l-Imħallef Mallia jistaqsih jekk hux se jippreżenta evidenza dwar lista ta' individwi relatati mal-Panama Papers kif kien mistoqsi.
Però Gaerty, li hu akkumpanjat minn avukat tad-dipartiment li jmexxi, jgħid li ma rċieva l-ebda lista.
11:00 Is-seduta tkompli, u Marvin Gaerty ġie mitlub jitla' jixhed.
10:48 Ix-xhieda fil-magħluq spiċċat, u l-ġurnalisti reġgħu ġew mistiedna jidħlu fl-awla.
10:23 Il-media ġiet mistoqsija toħrog mill-awla peress li l-proċeduri se jkomplu fil-magħluq. Il-bibien mistennija jerġgħu jinfetħu fil-11.
10:17 Rappreżentant tal-Avukat tal-Istat jikkonferma li dan se jissottometti ruħu għad-deċiżjoni tal-bord tal-inkjesta.
10:14 Ix-xhieda ta' Muscat tintemm hawn.
10:13 Ifakkar li kien hemm każi maġġuri li qatt ma waslu f'dan l-istadju, u li b'hekk ħass li dan kien żvilupp kbir għall-pajjiż.
10:12 Dwar l-arresti ta' Theuma u Fenech, Muscat jistqarr li ħassu xxukkjat bil-fatti li kienu ħerġin, iżda jgħid ukoll li ħass li l-ġustizzja kienet qiegħda ssir.
10:11 Muscat jiċħad li qatt iltaqa' ma' Yorgen Fenech jew li qatt ikkomunika miegħi.
Comodini Cachia ssaqsi jekk imqar bagħat messaġġ, imma Muscat jinsisti li għalkemm kien jaf minn hu, qatt ma pprova jkellmu.
10:10 Muscat jirrispondi li għalhekk ħass il-bżonn li jesprimi l-opinjoni tiegħu magħhom.
10:09 Ix-xhud jgħid li sar jaf li l-allegazzjonijiet tal-Panama Papers kienu veri għax kemm Mizzi kif ukoll Schembri ħarġu stqarrijiet dwarhom.
L-Imħallef Lofaro ssaqsi jekk kienx ikellimhom kieku kien sodisfatt bis-stqarrijiet tagħhom.
10:08 Muscat jgħid li qatt ma kellu kopja tar-rapport tal-FIAU: kien qara biss rapporti "kunfliġġenti" fil-media.
10:07 Muscat ifakkar kif Schembri kien jinvolvi ruħu fl-organizzazzjoni ta' attivitajiet tal-massa tal-PL qabel l-elezzjoni tal-2013.
10:06 Muscat jgħid li kien jattendi biss laqgħat fejn kien jingħata xogħol speċifiku x'jagħmel.
10:04 Mistoqsi fir-rwol tiegħu f'Kastilja, Muscat jgħid li kien jgħin biex jikkoordina proġetti nazzjonali bejn ministerji varji.
Kien jiġi ddelegat xogħol minn Schembri nnifsu.
10:03 Comodini tfakkar li Muscat kien qal lil Schembri u lil Mizzi biex jgħidu l-verità u ssaqsih għala qal hekk.
Muscat jinnota li l-kumpaniji li fetħu kienu qed jintużaw biex issir ħsara lill-gvern.
10:01 Muscat jinsisti li ma kienx jaf minn qabel fuq l-involviment tan-Nexia BT biex jinfetħu l-kumpaniji sigrieti ta' Mizzi u Schembri.
Jgħid li l-fehma tiegħu tal-kumpanija ma nbidlitx, għax sa ma kien jaf m'għamlu xejn illegali.
10:00 Lia joġġezzjona: għal darb'oħra jinsisti li l-mistoqsijiet mhux relevanti għall-inkjesta, u l-avukata Comodini Cachia tibda tagħmel il-mistoqsijiet tagħha.
Muscat jgħid li ma talab l-ebda permess biex jagħmel xogħol man-Nexia BT peress li kien person of trust.
09:59 Il-bord issaqsih jekk kienx jaf kemm il-kumpanija kienet viċina għall-gvern Laburista. Muscat jgħid li kien jaf li kienet kumpanija ta' awditjar li kellha ħafna xogħol mal-gvern, iżda jżid li kien hemm kumpaniji oħrajn fl-istess sitwazzjoni.
09:57 Muscat jgħid li kien jaf li Nexia BT kienet qed tirċievi ħafna xogħol.
09:56 Iżid li x-xogħol li għamel għall-kumpanija sar qabel ma ġie elett fil-Parlament.
Jgħid ukoll li xi ħadd avżah biex ma jiddikjarax id-dħul, iżda li u għażel jiddikjarah xorta waħda.
09:55 Muscat jiġi mistoqsi fuq il-ħlas li rċieva minn Nexia BT. Jirrispondi li kien gradwa bħala ekonomist u li għamel xogħol ta' konsulenza għall-kumpanija ta' Tonna.
Jinsisti li ma kellux retainer, u li kieku kellu kunflitt ta' interess kien jiddikjarah.
09:53 Muscat jgħid li ra lil Brian Tonna tan-Nexia BT xi darba jew darbtejn jistenna f'Kastilja.
09:52 Muscat jinsisti li ma kellu l-ebda informazzjoni li kien se jsir raid il-Marsa li wassal għall-arrest tal-aħwa Degorgio u ta' Vince Muscat il-Koħħu.
Bl-istess mod, ma kienx jaf li se jiġu arrestati Melvin Theuma u Fenech qabel iz-żmien.
09:51 Is-segretarju parlamentari jinsisti li qatt ma kien preżenti għal laqgħet ma' negozjanti: kien jiltaqa' biss ma' uffiċjali pubbliċi.
09:49 Muscat jgħid li sar jaf bil-ħbiberija bejn Schembri u Yorgen Fenech biss mill-media.
Iżid ukoll li lil Fenech raħ xi darba biss fil-waiting area ta' Kastilja. Però jżid li jista' jkun li Fenech kellu aktar laqgħat hemm, peress li hemm intrati oħra minn fejn wieħed jista' jidħol.
09:48 Muscat jiġi mistoqsi fuq ir-rapporti tal-FIAU, u jgħid li qatt ma ddiskutihom ma' Schembri.
09:48 L-avukat Lia joġġezzjona għal dawn il-mistoqsijiet. Jgħid li m'għandhomx x'jaqsmu mal-inkjesta, u li qed jiġu mistoqsija biss għall-kurżità.
09:45 Muscat jgħid li ma staqsiex lil Schembri fuq il-Panama Papers, li kixfu li hu u Mizzi kien fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama ftit wara l-elezzjoni tal-2013.
Il-bord tinsisti li għandu jgħid x'kien qal lil Schembri.
"Jien ghidtlu dak li kelli nghidlu," jirrispondi Muscat.
Wara numru ta' mistoqsijiet oħra relatati, Muscat jinsisti li qal lil Schembri u lil Mizzi li kellhom jgħidu l-verità fuq dak li għamlu.
09:44 Muscat kien barra minn Malta fuq xogħol parlamentari meta ġiet maqtula Daphne Caruana Galizia.
Ġie nfurmat bl-assassinju minn deputat Nazzjonalista li kien jifforma parti mill-istess delegazzjoni.
Qal li kif wasal Malta, sab dak li stenna: sens ta' xokk kbir.
09:42 Mallia jistaqsi jekk il-proċess li wassal għall-għażla tal-ElectroGas kienx immexxi mill-OPM. Muscat jgħid li dan mhux il-każ, sa ma jaf hu.
09:42 Muscat jinsisti li qatt ma ħa post Schembri f'laqgħat tal-Kabinett meta Schembri ma' setax jattendi.
09:40 Muscat jgħid li l-proġett kien ippreżentat bħala proġett ta' livell għoli, bħala parti mill-istrateġija politika, qabel l-elezzjoni tal-2013.
Kien ippreżentat minn Konrad Mizzi bħala "strateġija politika" lill-kandidati tal-PL kollha.
09:38 Mallia jistaqsi x'kien l-involviment tal-OPM fil-proġetti l-kbar.
Muscat ifakkar li l-proġett tal-ElectroGas kien taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Enerġija mmexxi minn Konrad Mizzi.
Jinsisti li hu ma kellu l-ebda involviment fil-proġett, u li ħaddiema tal-OPM qatt ma rċevew preżentazzjoni fuqu.
09:36 Dak iż-żmien, Muscat kien kunsillier fil-Mosta u kandidat għall-elezzjonijiet ġenerali. Qal li għalkemm kien jgħin lill-partit b'mod distrettwali, dak iż-żmien ma kienx jaħdem fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
09:36 Muscat, li stqarr li ilu attiv fil-Partit Laburista mill-2007, qal li sar jaf lil Schembri qabel l-elezzjoni tal-2013. Qal li kien jafu b'mod professjonali, bħala xi ħadd li jaħdem fil-partit.
09:36 Muscat iżid li ġeneralment ma kienx jakkompanja lil Schembri għal laqgħat.
09:35 B'risposta għal mistoqsija tal-Imħallef Mallia, Muscat jgħid li kien jieħu numru ta' deċiżjonijiet waħdu għal affarijiet ta' kuljum, filwaqt li għal affarijiet oħrajn kien jieħu deċiżjonijiet flimkien ma' Schembri.
09:34 Beda bħala policy coordinator, iżda spiċċa bħala l-viċi taċ-chief of staff, Keith Schembri.
09:34 Kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Prim MInistru mill-2013 sa' Jannar ta' 2020.
09:33 Is-segretarju parlamentari jikkonferma li kien jaħdem fis-segretarjat ta' Joseph Muscat, u li ilu deputat mis-sena 2017.
09:32 Muscat jitla' jixhed hekk kif tibda s-seduta tal-lum.
09:25 Is-segretarju parlamentari Alex Muscat jidħol fl-awla flimkien mal-avukati tiegħu, Pawlu Lia u Ramona Attard.
09:22 Bonġu. Qegħdin live mill-awla 20. L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia, li qegħdin jidhru għall-familja Caruana Galizia, qegħdin fl-awla.