“L-inġustizzji u l-vjolenza jweġġgħu l-umanità” – il-Papa

Fl-ewwel messaġġ tiegħu tal-2016, il-Papa Franġisku qal li l-inġustizzji u l-vjolenza ta’ kuljum qed iweġġgħu l-umanità.
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Paċi, il-Papa qal li filwaqt li l-bniedem ikun irid iħoss il-preżenza t’Alla f’ħajtu, ma għandux jaħseb li Alla huwa assenti.
Kien hanwhekk li tkellem dwar il-ġlieda kontinwa kontra l-ħażen, li qal trid tingħeleb biss bis-saħħa tal-Ħniena Divina. 
Hekk kif fetaħ il-bieb tal-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore f’Ruma, il-Papa Franġisku qal li kull minn jgħaddi minn dan il-bieb, qed jissejjaħ biex jintilef fl-imħabba u fil-ħniena tal-Missier.
Kompla jgħid li dan il-baħar ta’ ħniena jista’ jagħti enerġija ġdida lill-bniedem sabiex jirbaħ l-indifferenza li twaqqfu milli jagħmel atti ta’ solidarjetà. Qal li Kristu jimbuttana u jħeġġiġna biex noħolqu dinja iktar ġusta, fejn kull persuna tista’ tgħix fil-paċi.
Ma setax jonqos milli jaċċenna wkoll għad-dramma li jgħaddu minnha l-immigranti irregolari, li qal jaħarbu mill-gwerra, mill-ġuħ u mill-persekuzzjoni. Qal li dawn ikunu lesti jissograw ħajjithom biex jiksbu d-drittijiet fundamentali tagħhom. Staqsa kif l-arroganza tal-bnedmin b’saħħithom, tibqa’ tumilja lil dawk li huma dgħajfa. Staqsa wkoll sa kemm il-ħażen fl-umanità se jibqa’ jiżra’ fuq l-art mibgħeda u vjolenza, li jwasslu għall-qtil ta’ vittmi innoċenti.
Il-Papa Franġisku kompla jgħid li fejn ma tasalx il-politika, tasal il-fidi. Ħeġġeġ lil kulħadd sabiex jafda fil-fidi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet li l-politika mhux qed tasal għalihom. Fejn ma tistax tasal ir-raġuni jew il-politika, qal li tista’ tasal permezz tal-Vanġelu ta’ Kristu.