L-Ingliżi l-iżjed turisti li żaru Malta qabel ingħalaq l-ajruport – NSO

Malta hija maħbuba mill-Ingliżi li jħobbu jżuruha kemm għax ħafna għandhom xi qraba joqogħdu f’Malta, kif ukoll għax kienet kolonja tar-Renju Unit, u anke minħabba l-klima sħuna, ferm differenti minn dik Ingliża. F’Marzu ta’ din is-sena, qabel ingħalaq l-ajruport, it-turisti Ingliżi baqgħu dawk l-iżjed popolari fost it-turisti li jżuru Malta.

Skont statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), 31.2% mill-75,157 turist li ġew Malta f’Marzu, kienu ġejjin mir-Renju Unit, minkejja li issa dan m’għadux parti mill-Unjoni Ewropea, wara Brexit.

Wara l-Ingliżi, l-aktar turisti li żaru Malta kienu l-Franċiżi, il-Ġermaniżi, it-Taljani, il-Pollakki u l-Ispanjoli, f’dik l-ordni. Dawn jagħmlu parti mill-40,000 turist li żaru Malta mill-Unjoni Ewropea. Madwar 34,000 turist, imbagħad, ġew minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea. It-turisti naqsu b’mod sinifikanti mis-snin preċedenti f’Marzu, peress li dan kien ix-xahar li l-pandemija tal-coronavirus qlielet fl-Ewropa. Ladarba naqsu t-turisti, naqas ukoll l-infiq tagħhom fil-gżira, li kien stmat għal madwar €43.6 miljun f’Marzu tal-2020, differenza drastika mit-total ta’ nfiq €116.5 miljun f’Marzu tal-2019 u kważi €116 miljun f’Marzu tal-2018.

5,360 turist li żaru Malta f’Marzu mill-75,157 turist kienu qegħdin isiefru fuq xogħol. Il-maġġoranza ta’ turisti kellhom bejn il-25 u l-44 sena, 39% minnhom. 34.8% kellhom bejn 45 u 64 sena. L-aktar akkomodazzjoni popolari fost it-turisti kienet ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva.