“L-Ingliżi kienu lesti jieħdu ‘l Malta bil-forza” – Prof. Pirotta

malta flag union flag

Read in English.

“Ftit ġimgħat qabel l-Indipendenza ħareġ ċar li, jekk meħtieġ, l-Ingliżi kienu lesti jieħdu ‘l Malta bil-forza.”

Hekk qal l-istoriku ewlieni l-Prof. Joe Pirotta waqt intervista fil-programm Newsline fuq RTK 103FM. Il-Prof. Pirotta kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg u ta’ Manwel Delia  dwar ir-raba’ volum tal-opra tiegħu dwar l-istorja ta’ Malta mill-Gwerra sal-Indipendenza li ġie ppubblikat dan l-aħħar. Din l-aħbar ġiet ippubblikata għall-ewwel darba fil-ktieb tal-Prof. Pirotta.

“L-Ingliżi kienu lesti jużaw il-forza”

Il-Prof. Pirotta qal li l-Ingliżi kienu determinati li ma jagħtux l-Indipendenza lill-Malta jekk ikun hemm Mintoff fil-Gvern. Waqt il-laqgħa tal-Kabinett Ingliż ftit ġimgħat biss qabel Malta kellha ssir indipendenti kien hemm min wera l-biża’ li Mintoff ma jonorax il-ftehim tad-difiża li kien sar bejn il-Gvern Malti u dak Ingliż bħala parti mill-pakkett tal-għoti tal-indipendenza lil Malta. Waqt id-diskussjoni kien hemm min staqsa x’jiġri jekk jitla’ Mintoff fil-Gvern u jqatta’ t-trattat tad-difiża. Il-Prim Ministru Ingliż qal li jekk l-affarijiet jaslu sa hemm allura l-Ingliżi dejjem setgħu jerġgħu jieħdu lil Malta bil-forza.

Il-Prof. Pirotta qal li dak li qal il-Prim Ministru Ingliż ma tniżżilx fil-minuti uffiċjali tal-laqgħa iżda huwa sabu miktub fin-noti privati li kien jagħmel is-segretarju tal-kabinett biex imbagħad jikteb il-minuti uffiċjali.

F’intervista fil-programm Newsline, il-Prof. Pirotta żied jgħid li filwaqt li l-Ingliżi kienu mixjin fuq il-linja li jagħtu l-Indipendenza lil Malta, beda l-inkwiet għall-Ingliżi fil-Libja u f’Ċipru u allura setgħu jiġu fis-sitwazzjoni li jkun fadlilhom biss bażi f’Malta.

Prof. Pirotta jispjega li l-indipendenza kellha tkun f’Mejju u ċċaqilqet għal Settembru għax kienu għadhom ma qablux dwar il-Kostituzzjoni.

“Mintoff qatt ma kien Komunista”

Il-Prof. Pirotta jiċċara li kwistjoni oħra li toħroġ minn dan il-ktieb hi li Mintoff qatt ma kien Komunista għax l-Arċisqof Gonzi kien kitibha hu stess – li mhux Komunista imma Soċjalista estrem.

Ikompli li l-Arċisqof Gonzi kien kontra l-Indipendenza għax il-Knisja kienet se titlef it-tarka li kellha mindu ġew l-Ingliżi f’Malta. Jgħid li l-kwistjoni politikoreliġjuża ma kinitx kwistjoni ta’ personalitajiet bejn Mintoff u Gonzi, imma kien hemm elementi ta’ differenza dwar prinċipji bejn it-tnejn.