L-Ingliżi jgħidu li l-Familja Rjali qed iberbqu l-flus mit-taxxi: nefqulhom €75 miljun

Stħarriġ li sar minn ġurnal ewlieni Ingliż wera li l-poplu Ingliż hu tal-fehma li l-Familja Rjali qed tberbaq flus il-poplu li jidħlu mit-taxxi.  Skont ċifri uffiċjali dwar kemm tiswa din il-familja, iċ-ċifra laħħqet madwar €75 miljun bejn l-2018-2019. Bla dubju din hija l-aktar familja popolari madwar id-dinja u eluf iżuru l-Ingilterra biex jaraw xi avveniment li jkunu preżenti għalih.

Is-Sovereign Grant, li toħroġ l-ispejjeż għar-Reġina u għal dawk assoċjati magħha, uriet li fil-perjodu 2018-2019 ħarġet €75 miljun, €22 miljun aktar min-nefqa tas-sena ta’ qabel.

L-istħarriġ li sar nhar it-Tnejn 25 ta’ Ġunju wera li 76 fil-mija jħossu li l-Familja Rjali qed jonfqu ż-żejjed mill-flus li huma jħallsu f’taxxi. 21 fil-mija biss ma qablux ma’ dan waqt li 3 fil-mija qalu li ma jafux. Kien hemm xi wħud li dehru tassew maħruqa għal dawn il-flejjes li ħarġu għar-Reġina  Eliżabetta u għal dawk ta’ madwarha.

Wieħed minnhom qal li “il-Gvern u r-Reġina jmisshom jistħu li meta hawn tant nies fil-pajjiż li bilkemm għandhom x’jieklu u qed jorqdu barra, dawn jieħdu l-flus mit-taxxi tagħhna meta huma stess għandhom biżżejjed flus biex iħallsu l-ispejjeż kollha tagħhom. Dawn sinjuruni. Imisshom jistħu!”

Kumment ieħor kien li “ma jimpurtax jekk il-flus jintużaw biex iġibu ’l quddiem il-pajjiż. Imma meta parti sew mill-flus qed tintuża għalihom personali dawn ikunu qed jisirquna.”

Issemma wkoll il-fatt li Frogmore Cottage, fejn marru joqogħdu l-Prinċep Harry u Meghan Markle, swiet lill-poplu Ingliż €2.68 miljun biex irranġaw fiha qabel daħlu fiha. Ma kienx ta’ xejn li Ingliż irrabjat esklama li “il-ġid personali tagħhom ilaħħaq mal-€40 miljun. Kif jistgħu jiġġustifikaw dawn il-flejjes kollha?”