
Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson tkellem dwar it-tħassib tiegħu fuq il-ħxuna fir-Renju Unit, u semma lil Malta peress li qal li kkumparati ma’ nies minn pajjiżi oħra, l-Ingliżi donnhom eħxen, ħlief mill-Maltin.
Dan il-kumment ġie ppubblikat f’artiklu fuq il-ġurnal Politico.
Ilbieraħ il-Prim Ministru tar-Renju Unit ħabbar li l-Gvern qed iħares lejn x’jista’ jagħmel sabiex itaffi l-obeżità. Dan ħabbru waqt intervista mxerrda live fuq Times Radio.
Stqarr li normalment jemmen li dak li jkun għandu jara hu xi stil ta’ ħajja għandu jaddotta, iżda wara l-battalja tiegħu mal-coronavirus, qed jerġa’ jirrifletti dwar dan.
Il-ġurnal Politico jirrapporta li Johnson attribwixxa l-fatt li qabdu l-coronavirus għall-piż tiegħu, li qabeż il-110 kilo meta daħal l-isptar. Issa huwa tal-fehma li jrid jagħmel li jista’ sabiex l-Ingliżi jitilfu l-piż.
Fl-intervista qal, “But when you compare us to other countries, we are significantly fatter — apart from the Maltese, for some reason.”
Malta għandha problema rikonoxxuta tal-obeżità, peress li kemm-il darba kklassifikat fuq quddiem ta’ listi ta’ pajjiżi Ewropej li għandhom l-aktar nies li jbatu bl-obeżità. Fl-2014, fil-Parlament kien ingħad li sa din is-sena, l-2020, l-obeżità għandha tonqos b’5%.
Fl-2017, ir-rapport Country Health Profile nnota kif f’Malta naqsu n-nies li jpejpu, imma r-rata tal-obeżità baqgħet xi ftit jew wisq l-istess.
Intant, f’Ottubru li għadda, id-Deputat Ryan Callus issuġġerixxa li fl-iskejjel jibda jsir eżerċizzju kuljum għal 30 minuta sabiex dan ikun parti mill-ġlieda kontra l-obeżità.