​L-inġiniera jsemmu ċans ta’ riskju minħabba ċertifikati minn nies mhux kwalifikati

Il-Kamra tal-Inġiniera (CoE) qalet li fis-sitwazzjoni preżenti, ċertifikati jistgħu jinħarġu minn persuni li potenzjalment ma jkollhomx il-kwalifiċi neċessarji għad-detriment tas-sigurtà ta' kull persuna li tista' tiġi milquta minn kwistjoni li teħtieġ ċertifikazzjoni.
Fi stqarrija, il-CoE spjegat li l-liġi tgħid li ladarba uffiċjal jirrikjedi ċertifikat minn min iħaddem, dak iċ-ċertifikat għandu jinħareġ u jiġi ffirmat minn Inġinier, Perit, jew minn Mediku skont il-każ.
Il-Kamra qalet li ma tistax tifhem kif is-sitwazzjoni spiċċat f’waħda fejn iċ-ċertifikati jistgħu jinħarġu minn dik li qed tissejjaħ "persuna kompetenti" mingħajr il-ħtieġa obbligatorja li l-persuna taqa' taħt waħda mill-professjonijiet regolati.
Il-CoE saħqet li temmen li hemm ukoll kwistjoni ta' kunflitt ta' interess fejn min iħaddem qed jitħalla jiċċertifika t-tagħmir tiegħu stess. Il-Kamra qed tisħaq li għandu jkun Inġinier indipendenti li joħroġ iċ-ċertifikazzjoni u mhux persuna mill-organizzazzjoni ta’ min iħaddem.
Il-CoE qalet li se tkompli bil-laqgħat mal-Awtorità tas-Saħħa u tas-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.