L-Ingilterra toffri £200 miljun biex tgħin fit-twaqqif tal-coronavirus

REUTERS/Kevin Coombs

Read in English.

L-Ingilterra qalet ilbieraħ li se tkun qed toffri £200 miljun lill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u għaqdiet karitattivi sabiex tgħin tnaqqas il-firxa tal-coronavirus f’pajjiżi vulnerabbli u b’hekk tgħin biex ma sseħħx it-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet.

Aktar minn 1.7 miljun persuna bħalisa huma rrappurtati li jinsabu pożittivi għall-coronavirus madwar id-dinja. L-imwiet qabżu mal-100,000 persuna.

S’issa, l-infezzjonijiet ġew irrappurtati f’210 pajjiż minn meta l-ewwel każijiet ġew irrappurtati fiċ-Ċina f’Diċembru li għadda. Il-Ministru Anne-Marie Trevelyan qalet li meta tingħata l-għajnuna lill-ifqar fost in-nazzjonijiet, huma qed jgħinu biex il-virus ma jerġax jirritorna lejn ir-Rejnu Unit.

Ir-Renju Unit sofra 10,000 mewta kawża tal-coronavirus s’issa. Din hija l-ħames l-akbar rata nazzjonali ta’ mwiet.

“Filwaqt li għandna tobba u infermiera brillanti li qed jissieltu kontra l-coronavirus f’pajjiżna, qed nibgħatu esperti minn tagħna kif ukoll fondi madwar id-dinja sabiex nipprevjenu li jkun hemm it-tieni firxa tal-virus li tilħaq ir-Renju Unit,” qalet Trevelyan.

“Il-coronavirus ma jirrispetta il-fruntieri tal-pajjiż u b’hekk l-abbiltà tagħna li nipproteġu lill-poplu Birttanniku se tkun effettiva biss jekk insaħħu s-sistemi tas-saħħa ta’ pajjiżi li huma vulnerabbli.”

Il-Gvern Ingliż qal li £130 miljun se jmorru għall-aġenziji tan-Nazzjonijiet Magħquda, fosthom £65 miljun għall-Għaqda Dinjija tas-saħħa. £50 miljun oħrajn se jkunu qed imorru għand ir-Red Cross li tgħin pajjiżi li jinsabu mifluġin bil-gwerra u li huma diffiċli li jintlaħqu u £20 miljun oħrajn se jitqassmu bejn organizzazzjonijiet u karitajiet oħrajn.

Il-flus se jkunu qed jgħinu s-sistemi tas-saħħa fil-Yemen li rrapporta l-ewwel każ tiegħu l-Ġimgħa, u l-Bangladesh fejn hemm mat-850,000 refuġjat tar-Rohingya f’kampijiet mifqugħin bin-nies.