L-Ingilterra tħeġġeġ liċ-ċittadini Ingliżi biex jitilqu mill-Yemen

Fl-Ingilterra, l-uffiċju tal-affarijiet barranin qed ikompli jħeġġeġ liċ-ċittadini Ingliżi biex jitilqu kemm jista’ jkun malajr mill-Yemen hekk kif l-ambaxxata tiegħu se tingħalaq wara twissija serja ta’ attakk terroristiku.

Minbarra l-ambaxxata Ingliża, dawk tal-Ġermanja u ta’ Franza wkoll ġew magħluqa.

Ilbieraħ filgħaxija uffiċjali tal-Istat Amerikan iltaqgħu f’Washington biex jaraw is-sitwazzjoni li waslet biex l-Amerika tagħlaq 21 ambaxxata.

Sadanittant kien magħruf li t-theddida waslet wara li kienu interċettati numru ta’ messaġġi bejn mexxejja tal-grupp Al-Qaeda li jitkellmu dwar komplot ta’ attakk terroristiku fuq ambaxxata fil-Yemen.

Intant l-Organizzazjoni tal-Pulizija għall-Kriminalita’ Internazzjonali (l-Interpol) qed torbot il-ħarbien mill-ħabs ta’ numru ta’ priġunieri mal-grupp Al-Qaeda.

L-Interpol qalet li “mijiet ta’ terroristi” ħarbu minn numru ta’ ħabsijiet fosthom mill-Iraq, il-Libja u l-Pakistan fl-aħħar xhar.