L-Ingilterra se tidħol f’lockdown ta’ xahar

Read in English.

Il-Ħamis li ġej l-Ingilterra se tidħol f’lockdown ta’ xahar. Il-Prim Ministru Boris Johnson ħabbar li l-lockdown se jibqa’ sat-2 ta’ Diċembru.

Il-Prim Ministru Ingliż ħabbar lock down ta’ 4 ġimgħat għall-Ingilterra kollha biex fi kliemu jevita diżastru morali u mediku għal NHS.

Hu qal li l-Milied din is-sena se jkun ferm differenti minn snin qabel u qed jittama li bl-azzjonijiet li qed jieħu issa se jkun jista’ jippermetti li l-familji jiltaqgħu flimkien. Pubs, resotranti, gyms u ħwienet mhux essenzjali se jibqgħu magħluqin sat- 2 ta’ Diċembru.

Johnson ġie kkwotat mill-midja Ingliża li qal li l-ebda Prim Ministru responsabbli ma jinjora ż-żieda fil-każijiet pożittivi għall-Covid-19.

F’dan il-lockdown, il-poplu Ingliż se jkun jista’ joħroġ biss għal raġunijiet speċifiċi bħall-edukazzjoni, ix-xogħol u biex wieħed jixtri l-ikel.

Boris Johnson wissa li matul ix-xitwa se jkun hemm żieda ta’ mwiet bil-Covid-19, iktar mill-ewwel mewġa tal-pandemija fir-rebbiegħa.