L-Ingilterra għandha tkun kburija bil-wirt Kristjan tagħha

Il-Prim Ministru Ingliża Theresa May f’messaġġ lill-poplu Ngliż għal żmien il-Milied qalet li l-Ingilterra għandha tkun kburija bil-wirt Kristjan tagħha rifless fil-valuri ta’ mħabba, kumpassjoni u servizz lill-oħrajn.
Fil-messaġġ, May enfasizzat ir-rwol tas-servizzi ta’ emerġenza u dak tal-voluntiera u rringrazzjat lil dawk kollha li minħabba s-servizz li jagħtu lill-oħrajn, fi żmien il-Milied u l-Ewwel tas-Sena jagħmlu ħin twil bogħod mill-familji u l-maħbubin tagħhom.
Hi faħħret ukoll l-inizjattiva ‘Knejjes Flimkien’ li hi organiżazzjoni ekumenika li ġġib flimkien il-maġġoranza kbira tad-denominazzjonijiet insara fl-Ingilterra.
“Hekk kif qed niċċelebraw it-twelid ta’ Kristu, ejja niċċelebraw ukoll dawk l-atti ta’ ġenerożita u ħafna oħrajn li jagħtu sens lill-valuri li aħna ngħożżu u naqsmu flimkien: il-valuri nsara tal-imħabba, is-servizz lill-oħrajn u l-kumpassjoni li narawhom kuljum f’pajjiżna minn persuni ta’ kull twemmin kif ukoll minn dawk li ma jemmnu f’xejn”, qalet il-Prim Ministru fil-messaġġ tagħha.
“Ejja nkunu kburin bil-wirt kristjan tagħna u l-kuraġġ li jagħtina biex nassiguraw li fl-Ingilterra tista’ tipprattika l-fidi tiegħek bla biża’
“Ejja niftakru lil dawk madwar id-dinja li llum li huma miċħuda mil-libertajiet tagħhom – minn insara f’xi partijiet tal-Lvant Nofsani sal-persekuzzjoni tal-Musulmani Rohingya.
“U ejja naffermaw id-determinazzjoni tagħna li naħdmu għal-liberta’ tan-nies ta’ kull reliġjon biex dawn ikunu jistgħu jipprattikaw u jitkellmu dwar it-twemmin tagħhom fil-paċi u s-sigurta’”.
Dan il-messaġġ sar fi tmiem sena li matulha l-Gvern ta’ Theresa May ippropona bidliet radikali fil-politika soċjali li ħassbu lil ħafna nsara.
Infatti, f’Lulju il-Ministru tal-Ugwaljanza ħabbret pjan biex in-nies jitħallew jibdlu l-ġeneru rikonoxxut legalment tagħhom u appellat biex ikun hemm attitudni ‘moderna’ fejn jidħol iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess;
Fl-istess xahar il-Gvern ħabbar ukoll li kien se jiffinanzja aborti li jsiru fl-Ingilterra għal nisa mill-Irlanda ta’ Fuq fejn dan mhux permess
Bħalissa l-Gvern Ingliż qed jeżamina wkoll jekk jipprojbix il-Velji ta’ Talb quddiem il-kliniċi tal-abort.
Therese May li hi bint Pastor Anglikan, fl-imgħoddi tkellmet ċar dwar il-fidi nisranija tagħha tant li f’inervista riċenti stqarret li “l-fidi tiegħi tiggwidani f’kull ma nagħmel”.