L-ingaġġ ta’ Mercieca mal-AĠ mossa maħduma minn qabel – Thake

Id-deputat Nazzjonalista David Thake stqarr fil-Parlament li hemm suspetti kbar li kollox kien ippjanat meta l-Avukat Charles Mercieca daħal jaħdem fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Żied jgħid li s-suspett hu li għamel dan biex jikseb informazzjoni li tgħinu biex wara jiddefendi lil Yorgen Fenech li jinsab akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed jitkellem waqt l-abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni, Thake qal li Mercieca rriżenja mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u daħal il-qorti jiddefendi lil Fenech f’inqas minn 24 siegħa. Stqarr li quddiem dan kollu, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ħareġ jgħid biss li d-deċiżjoni  ta’ Mercieca kienet insensittiva.

Huwa qal li r-rapporteur tal-assemblea parlamentari tal-kunsill tal-Ewropa Peter Omtigzt ikkummenta li l-uniku esperjenza professjonali ta’ Mercieca kienet fl-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u li dan jagħti suspett li għax kien ilu biss sentejn jipprattika u ntgħażel minn Fenech minħabba li kien espost għal informazzjoni minn ġewwa.

Thake qal li minkejja l-assigurazzjoni ta’ Zammit Lewis li Mercieca qatt ma ħadem fuq il-każ ta’ Fenech, l-istess ministru ma jistax jagħti garanziji li ma ġiex espost għal files fuq Fenech.

Id-deputat Nazzjonalista qal li għaldaqstant hemm suspetti kbar li din kienet mossa maħduma u miftehma minn qabel.

Ir-rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qal li hemm indikazzjoni li l-avukat Charles Mercieca kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt li kien għadu qed jaħdem fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali.