L-infrastruttura tas-saħħa fl-Ewropa taħt pressjoni

Tmaximumge

In-numru ta’ każijiet fl-Ewropa, li kienu nġiebu taħt kontroll bil-lockdowns f’Marzu u April, komplew jiżdiedu hekk kif awtoritajiet f’bosta pajjiżi, fosthom il-Polonja u l-Portugall, esprimew allarm fuq il-mod kif qed tintlaqat l-infrastruttura tas-saħħa.

Is-sitwazzjoni fl-Ewropa kompliet tikkomplika ruħha hekk kif l-għejja mill-coronavirus u l-biża ta’ riċessjoni ekonomika aktar qawwija naqqset l-appoġġ għal-lockdowns ordnati aktar kmieni din is-sena biex tkun ikkontrollata l-pandemija. Minflok, il-Gvernijiet, qed jimponu miżuri inqas drastiċi billi jillimitaw in-numru ta’ nies li jinġabru flimkien.

Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), l-Ewropa issa laħqet il-5 miljun każ u 200,000 mewt, b’żieda qawwija ta’ każijiet minn Settembru.

Is-sitwazzjoni fl-isptarijiet qed tkompli tiggrava hekk kif sal-ġimgħa li għaddiet, in-numru ta’ persuni fl-isptarijiet minħabba l-coronavirus reġa’ laħħaq il-25% tal-ammont massimu reġistat waqt l-agħar tal-ewwel fażi tal-pandemija.

Il-Belġju ħabbar li qed jiġu posposti l-proċeduri kollha mhux essenzjali fl-isptarijiet, deċiżjoni li qed tkun ikkunsidrata minn xi sptarijiet fi Spanja wkoll. Filwaqt li bosta pajjiżi baqgħu jinsistu li r-restrizzjonijiet ġodda mhux se jinkludu lockdown, mhux l-istess jista’ jingħad għall-Belġju, fejn uffiċjal tal-Gvern sostna li dan ma jistax ikun eskluż fid-dawl tan-numru ta’ mwiet li qed jesperjenza l-pajjiż.

L-awtoritajiet Olandiżi wissew li jekk in-numru ta’ pazjenti bil-COVID-19 fis-swali tal-isptarijiet ikomplu jiżdiedu, sal-aħħar ta’ Novembru se jkollhom jitħassru mat-tliet kwarti tal-interventi regolari. “Ma fadlilnix iktar sodod” – kienet l-istqarrija skjetta ta’ Wouter van der Horst, kelliem għall-assoċjazzjoni tal-isptarijiet Olandiża NVZ.

Fil-Lombardija, l-epiċentru tal-ewwel fażi tal-imxija, kellhom jerġgħu jinfetħu t-taqsimiet ta’ kura intensiva f’Milan u Bergamo li kienu ngħalqu meta naqsu l-każijiet.