L-informazzjoni tiegħek u Facebook quddiem il-Qorti Ewropea

Il-Qrati Għolja Irlandiżi irreferew il-każ ta’ kif Facebook titrasferixxi d-dejta tal-utanti mill-Atlantiku sal-Istati Uniti għall-Għola Qrati tal-Unjoni Ewropea.
Ir-riżultat ta’ dan il-każ, li jista’ jieħu xhur twal biex jissolva, jista’ jaffetwa eluf kbar ta’ kumpaniji li jużaw sistemi simili bħal dik ta’ Facebook.
Dan hu l-aħħar żvilupp fl-argument legali bejn l-istudent tal-liġi Awstraljan Max Schrems u l-ġgant tal-midja soċjali.
Skont Schrems it-trasferimenti tad-dejta ta' utenti Ewropjej kif qed isiru preżentament minn Facebook jistgħu jiġu interċettati mill-aġenziji tas-sigurtà Amerikani.
Dan għax il-liġi fl-Istati Uniti tirrikjedi li Facebook jassisti lin-National Security Agency (NSA) biex tkun tista’ twettaq sorveljanza fuq il-massa. Din il-liġi tmur kontra dik Ewropea li tiprojbixxi li din it-tip ta’ informazzjoni tintuża biex tissorvelja l-pubbliku.
Madanakollu l-Kap Eżekuttiv ta’ Facebook Mark Zuckerberg ċaħad li Facebook hu nvolut fil-programm Prism, li l-għan tiegħu u li jissorvelja l-massa, kif ġie espost mill-eks kuntrattur tal-NSA Edward Snowden.
Il-każ hu bbażat fuq nuqqas ta’ qbil bejn Schrems u Facebook dwar kif in-netwerk soċjali juża l-klawsoli bażiċi tal-kuntratt (SCC’s) biex jitrasferixxi d-dejta tal-utenti tiegħu mill-Ewropa għall-Istati Uniti.
Kumpaniji tat-teknoloġija, li ħafna minnhom għandhom ċentri tad-dejta madwar id-dinja kollha, ikollhom bżonn jitrasferixxu informazzjoni bejniethom biexikunu jistgħu jiggarantixxu l-effiċjenza tas-servizz tagħhom.
Skont il-Business Sofware Alliance, li serviet ta’ espert f’dan il-każ, l-SCC’s jipprovdu bażi legali għal miljuni ta’ dejta kuljum biex ikunu trasferiti għall-Istati Uniti, Ġappun, Brażil u diversi pajjiżi oħra.
Min-naħa tagħha Facebook qalet li l-SCC’s jipprovdu miżuri ta’ sigurtà li jisguraw li d-dejta tal-Ewropej tkun protetta meta tiġi trasferita għand kumpaniji li joperaw fl-Istati Uniti jew f’kwalunkew pajjiż ieħor madwar id-dinja, liema dejta mbagħad tintuża minn eluf ta’ kumpaniji għan-negozju.
Facebook ħeġġeġ lill-Kunsill Ewrpej għall-Ġustizzja biex jikkunsidra dawn il-klawsoli mill-ġdid qabel ma jieħu deċiżjoni li skonta tista tipperikola t-trasferiment ta’ din id-dejta personali ta’ miljuni ta’ utanti.
Sadanittant Schrems akkuża lill-Kummissarju Irlandiż tal-Protezzjoni tad-Dejta Helen Dixon talli rrifjutat li tuża’ l-poter tagħha biex tieħu azzjoni u tissospendi t-trasferiment ta’ dejta personali u minflok wadbet ir-responsabbilità fuq istituzzjonijiet oħrajn.